News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

22/11/2024 10:18:00

Workshop Annwali tar-Riċerka tal-Bank Ċentrali

Il-Ġimgħa 22 ta' Novembru 2024, id-Dipartiment għar-Riċerka tal-Bank Ċentrali ta' Malta organizza l-Workshop Annwali tar-Riċerka li matulu nieda s-seba' edizzjoni tar-Research Bulletin annwali. Din hija l-pubblikazzjoni ta' riċerka annwali ewlenija tal-Bank li tippreżenta għażla ta' proġetti u riżultati ta' riċerka f'format aċċessibbli għal udjenza usa'.

L-Aġent Gvernatur Alexander Demarco ta bidu għal dan il-workshop, li matulu saru seba' preżentazzjonijiet, billi nieda r-Research Bulletin u enfasizza l-irwol kritiku ta' riċerka rigoruża u rilevanti għall-politika billi ttejjeb l-għarfien tal-kundizzjonijiet ekonomiċi, u t-tħejjija għal avvenimenti negattivi, kif ukoll billi tgħin fit-tħejjija għal politika bbażata fuq l-evidenza xjentifika.

L-ewwel erba' preżentazzjonijiet enfasizzaw ir-riċerka ppubblikata fil-Bulletin. Dawn iffukaw fuq l-evalwazzjoni ta' miżuri tal-politika kemm fil-livell lokali u kif ukoll f'dak tal-UE, b'enfasi partikolari fuq materji urġenti bħall-enerġija u t-tibdil fil-klima u l-implikazzjonijiet speċifiċi tagħhom għal Malta.

Carlo Altavilla mill-Bank Ċentrali Ewropew għamel id-diskors ewlieni u enfasizza l-irwol kritiku tal-politika monetarja mhux konvenzjonali fir-rabta tal-azzjonijiet tal-banek ċentrali mal-għoti ta' kreditu fl-ekonomija.

L‑aħħar żewġ preżentazzjonijiet, mogħtija minn impjegati tal‑Bank, eżaminaw it‑trażmissjoni tal‑politika monetarja għar‑rati tal‑ipoteki fiż‑żona tal‑euro u f'Malta, kif ukoll l‑irwol tat‑trasferimenti interġenerazzjonali fl‑appoġġ għan-nies biex isiru sidien ta' darhom f'Malta.

Il‑workshop ingħalaq b'diskors miċ-Chief Economist tal‑Bank, Aaron G. Grech, li afferma mill‑ġdid l‑impenn tad‑Diviżjoni għall‑Ekonomija li tkabbar l‑għarfien tagħha sabiex tindirizza l‑isfidi li jsawru r‑riċerka tal‑banek ċentrali fiż‑żona tal‑euro.

Il-Kelliema waqt il-Workshop Annwali tar-Riċerka
Il-Kelliema waqt il-Workshop Annwali tar-Riċerka
Mix-Xellug: Is-Sur Nathaniel Debono, is-Sur Noel Rapa, is-Sa Lynn Cumbo, is-Sur Massimo Giovannini, Dr Carlo Altavilla, l-Aġent Gvernatur Alexander Demarco, Dr Aaron G. Grech, is-Sur Warren Deguara,
is-Sur Valerio Sergio Castaldo

Ritratt: Melvin Bugeja

Lura lejn l-Arkivju