News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

19/11/2024 14:25:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r‑Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur dwar l‑iżviluppi ekonomiċi fit-tieni kwart tal-2024

Matul it‑tieni kwart tal‑2024, l‑ekonomija Maltija kibret b'ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbel ma' dak preċedenti, għalkemm ir‑rata ta' tkabbir baqgħet fost l‑ogħla fiż‑żona tal‑euro. It-tkabbir kien prinċipalment xprunat mill-esportazzjoni netta, hekk kif il-kontribut tad-domanda domestika, filwaqt li baqa' pożittiv, naqas. Meta wieħed jaġġusta għall-impatt tal-importazzjoni, l-esportazzjoni baqgħet il-kontributur ewlieni għat-tkabbir fil-PDG.

L‑istima tal‑Bank tad‑differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali tindika li l‑livell ta' użu żejjed tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija battiet ftit meta mqabbel mal-kwart ta' qabel.

L‑Indiċi tal‑Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan‑Negozju niżel bi ftit fit-tieni kwart tal‑2024 u qiegħed konformi mal-medja storika tiegħu. L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea tela' iżda baqa' taħt il-medja storika tiegħu.

L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi. Ir-rata tal-qgħad baqgħet baxxa minn perspettiva storika u ferm inqas minn dik fiż-żona tal-euro. Il-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol baqgħu stretti fir-rigward tar-riżultati riċenti, minkejja tnaqqis żgħir.

Il-pressjoni 'l fuq fil-prezzijiet għall-konsumatur kompliet tbatti matul it-tieni kwart tal-2024. L-inflazzjoni annwali, kif imkejla skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) niżlet għal 2.2% f'Ġunju, filwaqt l-indiċi li jeskludi l-enerġija u l-ikel niżel għal 2.0%.

Fit‑tieni kwart tal‑2024, il‑proporzjon tad‑defiċit tal-gvern ġenerali fil‑PDG naqas meta mqabbel mal-kwart ta' qabel, filwaqt li naqas il-proporzjon tad‑dejn tal-gvern ġenerali fil‑PDG. Hekk kif id-defiċit fiskali naqas, dan laħaq il-medja taż-żona tal-euro. Il-proporzjon tad-dejn fil-PDG baqa' ferm inqas minn dak fiż-żona tal-euro.

It‑tkabbir fil-PDG ta' Malta baqa' ħafna aktar b'saħħtu minn dak taż‑żona tal‑euro, fejn it-tkabbir kien marġinali. Skont l-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol, it-tkabbir fl-impjiegi f'Malta kien ogħla mill-medja taż-żona tal-euro, filwaqt li r-rata tal-qgħad kienet iżjed baxxa. B'mod ġenerali, kemm l-inflazzjoni ewlenija mkejla skont l-HICP, kif ukoll dik li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel, kienu iktar baxxi mill-medja taż-żona tal-euro minħabba kontribut aktar baxx mill-inflazzjoni fis-servizzi.

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE naqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax b'25 punt bażi f'Ġunju. Tnaqqis addizzjonali tħabbar f'Settembru u Ottubru abbażi ta' informazzjoni aġġornata dwar il-prospetti tal-inflazzjoni, id-dinamika tal-inflazzjoni mingħajr dik fuq l-ikel u l-enerġija, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. B'riżultat ta' dan, ir-rata fuq il-faċilità ta' depożitu, ir-rata li biha l-Kunsill Governattiv imexxi l-politika monetarja tiegħu, tnaqqset għal 3.75% f'Ġunju u mbagħad għal 3.25% sa Ottubru.

Ir-raba' ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2024 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank.

Għal indikaturi aktar riċenti kkonsulta l-Aġġornament Ekonomiku.

Lura lejn l-Arkivju