News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

08/11/2024 13:02:00

Noqogħdu attenti minn pressjonijiet fuq l-ekonomija? Panel jiddiskuti l-iżvilupp ta’ Malta mnebbaħ mir-Rapport Stolper ta’ 60 sena ilu

L-indipendenza għal Malta kienet qabża ta' fidi. Il-pajjiż ried jirnexxi fid-deċiżjoni tiegħu li jmiss, u t-Tieni Pjan ta' Żvilupp tal-1964-1969 kien il-mezz għal dan il-għan.

Fl-1963-64, missjoni ekonomika fuq inizjattiva tal-Ġnus Magħquda, immexxija mill-ekonomista Amerikan Wolfgang Stolper, waslet Malta biex jindika t-triq 'il quddiem biex tittejjeb is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tal-pajjiż u tipprovdi proposti realistiċi ta' żvilupp. Il-mediċina preskritta kienet morra iżda meħtieġa. Kellu jitrawwem settur privat li kien għadu qed jiżviluppa, kellu jiġi attirat investiment barrani xieraq, u kellhom jitrażżnu l-impjiegi fis-settur pubbliku.

Il-Viżjoni Ekonomika ta' Malta sitt deċennji ilu ġiet ippubblikata, f'format faksimile, minn Quinque Publishers. Bit-titlu The Stolper Report: Economic Adaptation and Development in Malta, il-pubblikazzjoni tnediet nhar l-Erbgħa 6 ta' Novembru 2024 fil-Bank Ċentrali ta' Malta, f'avveniment organizzat b'mod konġunt mal-Fakultà tal-Ekonomija, il-Maniġment u l-Kontabilità (FEMA) fl-Università ta' Malta.

Ritratt tal-Grupp
Mix-xellug: Dr Alfred Sant, Dr Joe Schembri, is-Sur Tonio Fenech, Dr Marie Louise Mangion, il-Professur Emanuel Said, il-Professur Godfrey Baldacchino, il-Professur Rose Marie Azzopardi,
is-Sur Alexander Demarco

Ir-Rapport Stolper illum jippermetti lill-qarrejja biex jesperjenzaw il-kuntest storiku u japprezzaw il-progress sinifikanti li għamlet Malta minn dak iż-żmien, kif ukoll il-problemi strutturali li baqgħu jippersistu. Ir-Rapport iservi kemm bħala kapsula ta' żmien kif ukoll bħala xhieda tal-bidliet trasformattivi fl-ekonomija u s-soċjetà ta' Malta matul id-deċennji. Iservi wkoll ta' eżempju ta' metodu integrat għall-ippjanar ekonomiku li jqis ir-riżultati eventwali possibbli u l-impatti fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.

Panel transdixxiplinarju ddiskuta r-Rapport Stolper u l-ħsibijiet tiegħu dwar Malta kontemporanja. Kien jikkonsisti mis-Sur Tonio Fenech, Eks Ministru tal-Finanzi, il-Prof. Rose Marie Azzopardi mid-Dipartiment tal-Ekonomija fi ħdan il-FEMA, is-Sur Alexander Demarco, Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, u Dr Marie Louise Mangion mid-Dipartiment tal-Istudju Politiċi u l-Governanza fi ħdan il-FEMA. Il-Prof. Godfrey Baldacchino mmodera d-diskussjoni. Il-Prof. Emanuel Said, id-Dekan tal-FEMA ta merħba lill-mistednin, filwaqt li Dr Joe Schembri, mid-Dipartiment tal-Marketing tal-FEMA, serva bħala r-relatur eklettiku għal dan l-avveniment.

Il-membri tal-panel u l-interventi esprimew tħassib dwar l-ekonomija ta' Malta li qed tilħaq il-limiti tal-kapaċitajiet tagħha sabiex tilħaq id-domanda kollha, inkluż l-impatt mid-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji, kif ukoll is-sistemi tat-taxxa li jinċentivaw id-dħul minn kirjiet u l-industrija tal-kostruzzjoni. Ġie nnutat li l-infrastruttura ta' Malta qed issib ruħha dejjem aktar taħt pressjoni - minn trasport pubbliku effettiv għal trattament tad-drenaġġ - li jwassal għal tnaqqis fil-kwalità ġenerali tal-ħajja li ma jinqabadx b'metriċi li jenfasizzaw il-konsum u t-tkabbir ekonomiku.

Stolper Report

Ritratti: Università ta' Malta

Ġie diskuss ukoll l-irwol tal-Università ta' Malta fl-appoġġ tal-iżvilupp ta' talent u ta' ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol lokali, u lil hinn minn dak li Stolper ikkritikaha bħala li tipproduċi 'avukati u tobba' biss.

Ir-Rapport Stolper huwa disponibbli għall-bejgħ minn distributuri, ħwienet tal-gazzetti u s-sit elettroniku ta' Quinque

Lura lejn l-Arkivju