News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
30/10/2024
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Ottubru
It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kemxejn taħt il-medja storika
L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali naqas f'Settembru meta mqabbel ma' Awwissu u kien f'livell kemxejn taħt il-medja storika.
L-indikatur tas-sentiment ekonomiku maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas u baqa' f'livell taħt il-medja storika. Sadattant, l-indikatur tal-aspettattivi tal-impjiegi żdied f'Settembru u kien f'livell ogħla mill-medja storika.
L-aspettattivi tal-prezzijiet żdiedu fost is-setturi kollha ħlief fost il-konsumaturi. L-akbar żieda ġiet irreġistrata fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.
L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta. F'Awwissu kien hemm żieda fil-produzzjoni industrijali filwaqt li naqas il-kummerċ bl-imnut fuq sena qabel. Il-produzzjoni tas-servizzi aċċellerat f'Lulju fuq bażi ta' sena fuq sena. Il-qgħad baqa' f'livell baxx minn perspettiva storika. Dan żdied marġinalment meta mqabbel max-xahar ta' qabel iżda baqa' taħt ir-rata ta' sena qabel.
Il-permessi residenzjali f'Awwissu kienu ogħla mil-livell ta' sena qabel. F'Settembru, in-numru ta' konvenji residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu meta mqabblin ma' sena ilu.
Matul it-tnax-il xahar sa Awwissu, aċċellera t-tkabbir annwali fid-depożiti tar-residenti Maltin, li jifforma parti mill-aggregat monetarju wiesa' M3. It‑tkabbir annwali fil‑kreditu lir‑residenti Maltin żdied b'ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbel max‑xahar ta' qabel minħabba rata ogħla tat-tkabbir fil‑kreditu lill‑gvern ġenerali.
F'Settembru, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) naqset għal 2.1%. Filwaqt li l-inflazzjoni inġenerali f'Malta qabżet il-medja taż-żona tal-euro, l-inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija kienet fil-livell ta' 1.9% - ferm inqas mir-rata korrispondenti fiż-żona tal-euro. Skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), l‑inflazzjoni f'Settembru naqset għal 1.2%, minn 1.5% f'Awwissu.
F'Awwissu, il-Fond Konsolidat irreġistra surplus minkejja żieda sostanzjali fl-infiq tal-gvern. B'riżultat ta' dan, is-surplus irreġistrat matul ix-xahar kien inqas minn dak tal-istess xahar sena qabel.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju