News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

25/09/2024 10:00:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Settembru

It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kemxejn taħt il-medja storika

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Awwissu, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kien b'mod ġenerali l-istess bħal dak ta' Lulju u baqa' kemxejn taħt il-medja storika.

F'Awwissu kien hemm żieda kemm fl-indikatur tas-sentiment ekonomiku u kif ukoll fl-indikatur tal-aspettattivi tal-impjiegi maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta. Madankollu, dawn baqgħu taħt il-livell medju storiku.

L-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu fis-setturi kollha ħlief fost il-konsumaturi. L-akbar tnaqqis ġie mkejjel fis-setturi tas-servizzi u tal-bejgħ bl-imnut.

L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta. F'Lulju, kemm il-produzzjoni industrijali u kif ukoll il-kummerċ bl-imnut naqsu fuq l-istess xahar is-sena ta' qabel. F'Ġunju, il-produzzjoni tas-servizzi aċċellerat fuq bażi ta' sena fuq sena. Il-qgħad baqa' f'livell baxx minn perspettiva storika. Dan naqas marġinalment meta mqabbel max-xahar ta' qabel u baqa' l-istess bħal sena qabel.

F'Lulju, il-permessi residenzjali kienu taħt il-livell fl-istess xahar tas-sena ta' qabel. F'Awwissu, l-għadd ta' konvenji residenzjali żdied fuq l-istess xahar sena qabel, filwaqt li naqas in-numru ta' kuntratti ta' bejgħ.

Matul it-tnax-il xahar sa Lulju, it-tkabbir annwali fid-depożiti tar-residenti Maltin, li jifforma parti mill-aggregat monetarju wiesa' M3, aċċellera. It‑tkabbir annwali fil‑kreditu lir‑residenti Maltin, għalkemm baqa' b'saħħtu, immodera meta mqabbel max‑xahar ta' qabel. Dan jirrifletti żidiet b'mod aktar kajman fis‑self lill‑gvern ġenerali u lil residenti oħra.

F'Awwissu, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet marġinalment għal 2.4%. Filwaqt li l-inflazzjoni inġenerali f'Malta qabżet kemxejn il-medja taż-żona tal-euro, l-inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija kienet ta' 2.3% - ferm inqas mir-rata korrispondenti fiż-żona tal-euro. Skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), l‑inflazzjoni f'Awwissu żdiedet bi ftit għal 1.5% minn 1.4% f'Lulju.

F'Lulju, il-Fond Konsolidat irreġistra surplus hekk kif żieda fid-dħul tal-gvern kienet ikkumplimentata minn tnaqqis fl-infiq tal-gvern. Dan juri titjib meta mqabbel ma' defiċit sena qabel.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju