News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
20/09/2024 14:40:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jemenda d-Direttiva Nru 19
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta llum ippubblika test aġġornat tad‑Direttiva Nru 19 dwar l‑użu ta' ċekkijiet u drafts bankarji. Id-Direttiva tistabbilixxi regoli għall-użu sigur u effettiv tagħhom, fejn il-pagatur, il-benefiċjarju u l-istituzzjonijiet regolati li jissorveljaw l-istrumenti bbażati fuq il-karti jinsabu kollha f'Malta. Id-Direttiva tfittex ukoll li tiżgura l-użu sigur u effettiv ta' ċekkijiet bankarji u drafts, billi tnaqqas ir-riskji legali u operazzjonali assoċjati ma' dawn l-istrumenti ta' pagament.
Id-dispożizzjonijiet aġġornati jippermettu lill-fornituri tas-servizzi ta' pagament li jagħmlu distinzjoni, meta jwaqqfu s-servizzi ta' ħruġ ta' ċekkijiet, bejn strumenti bbażati fuq il-karti li ma jistgħux jiġu onorati minħabba nuqqas ta' fondi disponibbli u bejn dawk li ma jistgħux jiġu onorati minħabba nuqqas ta' informazzjoni dwar l-istrument ibbażat fuq il-karta. Id-dispożizzjonijiet aġġornati jippermettu wkoll li parti terza tiddepożita strument ibbażat fuq il-karta fil-kont tal-benefiċjarju msemmi.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser jippubblika wkoll sett aġġornat ta' Noti ta' Gwida fil-jiem li ġejjin sabiex jgħinu lis‑suq u lill‑pubbliku ġenerali jifhmu d‑Direttiva.
Id-dispożizzjonijiet aġġornati jidħlu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2025.
Lura lejn l-Arkivju