News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
06/09/2024 12:45:00
Stabbiltà finanzjarja f’ambjent globali tassew inċert: Hemm bżonn ta’ aktar reżiljenza?
Illum, il‑Bank Ċentrali ta' Malta organizza s‑seminar annwali dwar is-sittax-il edizzjoni tar‑Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja li tevalwa l‑iżviluppi li seħħew fl‑2023.
Fid-diskors tal-bidu, l-Aġent Gvernatur is-Sur Alexander Demarco rrefera għall-inċertezza bħala waħda kostanti u li dejjem qed tikber f'dinja globalizzata, u għalhekk ir-riskji u l-impatti li jirriżultaw m'għandhom qatt jiġu sottovalutati. L-Aġent Gvernatur qal li l-partijiet kollha fis-settur għandhom ikunu konxji li dawn l-isfidi kostanti u ż-żieda fil-kumplessitajiet li qed jiffaċċja s-settur finanzjarju u l-ekonomija inġenerali, jitolbu sforzi konġunti mill-partijiet kollha ikkonċernati. Semma li dan jista' jinkiseb b'kollaborazzjoni b'saħħitha, b'ħeġġa għall-innovazzjoni u b'impenn sod biex jinkisbu r-riżultati. B'dan il-mod, il-partijiet interessati kollha flimkien jistgħu jibnu settur finanzjarju li mhux biss jiflaħ għall-impatt, iżda li jibqa' kapaċi jrawwem tkabbir ekonomiku sostenibbli. F'dan ir-rigward, l-Aġent Gvernatur tenna l-importanza li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju.

L-Aġent Gvernatur is-Sur Alexander Demarco
Imbagħad, is-Sur Alan Cassar, Uffiċjal Kap għall-Istabbiltà Finanzjarja u l-Istatistika, ippreżenta l-punti ewlenin tar-Rapport. Is-Sur Cassar għamel referenza għall-andament pożittiv u s-saħħa tas-settur filwaqt li identifika r-riskji li dan is-settur qiegħed jiffaċċja. Is-Sa Joanne Ciantar, Senior Expert mill-Uffiċċju għas-Sorveljanza tal-Istabbiltà Finanzjarja, tkellmet dwar l-aħħar studju li jikkonċerna l-identifikazzjoni ta' riskji ċikliċi eċċessivi, relatati ma' self lill-kumpaniji li mhumiex fis-settur finanzjarju.

Mix-xellug: Is-Sur Alan Cassar, Uffiċjal Kap għall-Istabbiltà Finanzjarja u l-Istatistika, id-Deputat Gvernatur għall-Istabbiltà Finanzjarja s-Sur Oliver Bonello, Aġent Gvernatur is-Sur Alexander Demarco, is-Sur Alessio de Vincenzo, Kap tad‑Direttorat għall‑Istabbiltà Finanzjarja fid‑Direttorat Ġenerali għall‑Ekonomija, l‑Istatistika u r‑Riċerka, Banca D' Italia, is-Sa Joanne Ciantar, Senior Expert mill-Uffiċċju għas-Sorveljanza tal-Istabbiltà Finanzjarja
Din is‑sena l‑Bank stieden lis-Sur Alessio De Vincenzo mill‑Banca d'Italia, li huwa l‑Kap tad‑Direttorat għall‑Istabbiltà Finanzjarja fid‑Direttorat Ġenerali għall‑Ekonomija, l‑Istatistika u r‑Riċerka. Is-Sur De Vincenzo esprima l-fehmiet tiegħu dwar il-qafas makroprudenzjali Ewropew eżistenti, u għamel referenzi għad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar l-estensjoni tal-qafas biex ikopri wkoll il-faxxa tal-intermedjazzjoni finanzjarja li mhumiex banek.

Is-Sur Alessio De Vincenzo
Fid-diskors tal-għeluq, id-Deputat Gvernatur is-Sur Oliver Bonello qal li fost iż-żieda fl-inċertezza globali, is-settur bankarju domestiku baqa' reżiljenti. Irrefera għall-importanza tal-adattabbiltà biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja f'ambjent globali inċert ħafna. F'dan ir-rigward id-Deputat Gvernatur semma l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu lesti li jaġġustaw malajr il-mudelli tan-negozju u l-prattiċi tal-immaniġġjar tar-riskju tagħhom b'reazzjoni għall-kundizzjonijiet volatili tas-suq finanzjarju u l-isfidi regolatorji. Is-Sur Bonello tkellem ukoll dwar l-importanza li l-qafas makroprudenzjali jibqa' wieħed xieraq f'ambjent li qed jinbidel b'mod kostanti u li jibqa' kruċjali li tinbena reżiljenza fis-sistema finanzjarja f'dinja ta' inċertezza.

Ritratti: Melvin Bugeja
Lura lejn l-Arkivju