News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
28/08/2024 10:33:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Awwissu
It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kemxejn taħt il-medja storika
L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Lulju, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali naqas u baqa' marġinalment taħt il-medja storika.
F'Lulju kien hemm tnaqqis fl-indikatur tas-sentiment ekonomiku kif ukoll fl-indikatur tal-aspettattivi tal-impjiegi maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta. Dawn baqgħu taħt il-medja storika.
L-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu fl-industrija u fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, iżda żdiedu fil-kumplament tas-setturi. L-akbar żieda ġiet irreġistrata fis-settur tal-kostruzzjoni.
L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta. F'Ġunju, il-produzzjoni industrijali żdiedet b'ritmu aktar mgħaġġel fuq sena qabel filwaqt li l-volum tal-kummerċ bl-imnut naqas f'termini annwali. F'Mejju, il-produzzjoni tas-servizzi aċċellerat fuq bażi ta' sena fuq sena. Il‑qgħad baqa' baxx minn perspettiva storika, u naqas marġinalment meta mqabbel max‑xahar ta' qabel iżda kien ftit ogħla minn sena qabel.
F'Ġunju, il-permessi residenzjali kienu taħt il-livell fl-istess xahar tas-sena ta' qabel. F'Lulju, in-numru ta' konvenji residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ kienu inqas minn dawk sena qabel.
Matul it-tnax-il xahar sa Ġunju, id-depożiti tar-residenti Maltin, li jiffurmaw parti mill-aggregat monetarju wiesa' M3, żdiedu minħabba bilanċi ogħla li jappartjenu lill-familji u lill-kumpaniji mhux finanzjarji. It‑tkabbir annwali fil‑kreditu lir‑residenti Maltin, għalkemm baqa' b'saħħtu, immodera meta mqabbel max‑xahar ta' qabel. Dan jirrifletti żidiet aktar bil‑mod fis‑self lill‑gvern ġenerali u lil residenti oħra.
F'Lulju, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) żdiedet marġinalment għal 2.3%, parzjalment minħabba żieda żgħira fl‑HICP li jeskludi l‑prezzijiet tal-enerġija u l‑ikel, li kien fil-livell ta' 2.1%. Iż-żewġ rati baqgħu taħt il-medja taż-żona tal-euro korrispondenti. Skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), l‑inflazzjoni f'Lulju żdiedet bi ftit għal 1.4% minn 1.3% f'Ġunju.
F'Ġunju, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit iżgħar meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif żieda fid-dħul tal-gvern kienet ikkumplimentata minn tnaqqis fl-infiq tal-gvern.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju