News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
26/08/2024 08:57:00
Tnedija ta’ muniti bit-tema taċ-Ċittadella
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita kommemorattiva taż-€2 u munita tal‑fidda, it‑tnejn li huma bit-tema taċ-Ċittadella ta' Għawdex.
Il‑muniti ġew imnedija fit‑23 ta' Awwissu 2024 waqt ċerimonja li saret fl‑inħawi taċ‑Ċittadella li ġew restawrati riċentement. It-tnedija ġiet indirizzata mill-Onorevoli Clint Camilleri, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, u minn Mr Alexander Demarco, Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta.
L-Aġent Gvernatur Mr Alexander Demarco jippreżenta l-munita lill-Onorevoli Ministru Clint Camilleri
Ritratt:DOI
Il-belt ta' Victoria, li tinkludi r-Rabat u ċ-Ċittadella, hija l-belt kapitali reġjonali ta' Għawdex. Mibnija fuq art għolja fiċ-ċentru tal-gżira, il-belt għandha għeruq antiki li jmorru lura mill-inqas sa minn Żmien il-Bronż. Fl-1600, l-Ordni ta' San Ġwann ikkummissjona lil Giovanni Rinaldini, inġinier militari Taljan, sabiex jiddisinja mill-ġdid u jsaħħaħ id-difiżi taċ-Ċittadella. Għalkemm l-importanza militari taċ-Ċittadella naqset sas-snin 1760, baqgħet is-sede amministrattiva tal-gvern f'Għawdex.
Fl-1887, fuq talba ta' nies Għawdxin prominenti, u fl-okkażjoni tal-Ġublew tad-Deheb tar-Reġina Victoria, iċ-Ċittadella u r-Rabat ingħataw it-titlu ta' belt, u bil-kunsens tar-Reġina ngħataw l-isem ta' Victoria. Fl-2014 inbdiet riabilitazzjoni u restawr fuq skala kbira taċ-Ċittadella. Il-proġett rebaħ ir-RegioStars Awards tal-2022. Iċ-Ċittadella ilha fuq il-lista tentattiva ta' Malta tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO sa mill-1998.
Il-munita kommemorattiva taż-€2 bit-tema taċ-Ċittadella hija l-ewwel waħda minn serje ta' muniti bit-tema tal-ibliet iffortifikati Maltin. Il-muniti huma manifatturati fi kwalità brilliant uncirculated u ser jiġu ppreżentati f'coin cards kif ukoll parti mis-sett tal-2024 li jinkludi t-tmien muniti tal-euro ta' Malta minn ċenteżmu sa €2.
Il‑munita tal‑fidda, bit-tema taċ‑Ċittadella wkoll, hija r‑riżultat ta' proġett ta' kollaborazzjoni bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Din il-munita għandha valur nominali ta' €10, maħduma f'0.925 fidda, tiżen 28.28g, b'dijametru ta' 38.61mm u maħduma f'verżjoni proof. Fuq in-naħa ta' wara tal-munita tidher iċ‑Ċittadella, filwaqt li fuq in-naħa ta' quddiem tidher l‑istemma araldika tar‑Repubblika ta' Malta. L-istampar ta' din il‑munita ser ikun limitat għal 400 munita biss.
Il‑munita tal‑fidda u n‑naħa nazzjonali tal‑munita kommemorattiva taż‑€2 ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason. Iż-żewġ muniti kienu maħduma fir-Royal Dutch Mint.
Lura lejn l-Arkivju