News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
05/08/2024 10:30:00
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r‑Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur dwar l‑iżviluppi ekonomiċi fl-ewwel kwart tal-2024
Matul l-ewwel kwart tal‑2024, l‑ekonomija Maltija kibret b'ritmu marġinalment aktar mgħaġġel meta mqabbel mal-kwart ta' qabel. Meta wieħed jaġġusta għall-impatt tal-importazzjoni, l-esportazzjoni baqgħet il-kontributur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku, għalkemm id-domanda domestika kellha impatt pożittiv ukoll. L‑istima tal‑Bank tad‑differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali tindika li l‑livell ta' użu żejjed tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija kien taħt il-livell stmat fil-kwart ta' qabel.
L‑Indiċi tal‑Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan‑Negozju niżel bi ftit fl‑ewwel kwart tal‑2024, iżda baqa' ftit 'il fuq mill‑medja storika tiegħu. Sadattant, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea niżel marġiment taħt il-medja storika tiegħu.
L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi. Ir-rata tal-qgħad baqgħet qrib il-livell baxx storiku tagħha u ferm anqas mil-livell fiż-żona tal-euro, bil-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol jibqgħu stretti.
Il-pressjonijiet fuq iż-żieda fil-prezzijiet tal-konsumatur komplew jittaffew matul l-ewwel tliet xhur tal-2024. L‑inflazzjoni annwali, kif imkejla mill‑Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP), niżlet għal 2.7% f'Marzu, filwaqt li l-indiċi li jeskludi l‑enerġija, l‑ikel u t‑tabakk niżel għal 2.2%.
Filwaqt li l‑proporzjon tad‑defiċit tal-gvern ġenerali fil‑PDG naqas meta mqabbel mar‑raba' kwart tal‑2023, il‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG żdied marġinalment. Il-proporzjon tad-dejn ta' Malta baqa' ferm taħt il-medja taż-żona tal-euro, għalkemm il-proporzjon tad-defiċit kien ogħla mill-medja tal-istess żona.
Filwaqt li l-PDG ta' Malta żdied fuq l-istess kwart sena qabel, dak fiż-żona tal-euro kiber biss marġinalment. Skont il-Labour Force Survey, it-tkabbir fl-impjiegi f'Malta kien ogħla mill-medja taż-żona tal-euro, filwaqt li r-rata tal-qgħad baqgħet iżjed baxxa. Filwaqt li l-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP kienet ogħla mill-medja taż-żona tal-euro minħabba inflazzjoni negattiva tal-enerġija fiż-żona tal-euro, l-HICP li jeskludi l-enerġija, l-ikel u t-tabakk kien aktar baxx minn dak fiż-żona tal-euro.
Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) żamm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE l-istess matul l-ewwel kwart tal-2024, iżda naqqashom b'25 punt bażi f'Ġunju minħabba titjib sinifikanti fil-prospetti tal-inflazzjoni, tnaqqis fl-inflazzjoni sottostanti, u kundizzjonijiet restrittivi għall-finanzjament.
It-tielet ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2024 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta.
Għal indikaturi aktar riċenti kkonsulta l-Aġġornament Ekonomiku.
Lura lejn l-Arkivju