News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

30/07/2024 10:06:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Lulju

It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kemxejn taħt il-medja storika 

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Ġunju, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali naqas u baqa' f'livell kemxejn taħt il-medja storika.

F'Ġunju kien hemm żieda kemm fl-indikatur tas-sentiment ekonomiku, kif ukoll fl-indikatur tal-aspettattivi tal-impjiegi maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta. Madankollu, dawn baqgħu taħt il-livell medju storiku.

L-aspettattivi tal-prezzijiet żdiedu fis-setturi kollha ħlief fis-settur tal-kostruzzjoni u fost il-konsumaturi. L-akbar żieda seħħet fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u fl-industrija.

L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta. F'Mejju, il-produzzjoni industrijali u tas-servizzi żdiedet b'ritmu inqas mgħaġġel fuq sena qabel filwaqt li l-kummerċ bl-imnut naqas bi ftit. Il‑qgħad baqa' baxx minn perspettiva storika iżda żdied marġinalment meta mqabbel max‑xahar ta' qabel u ma' sena qabel.

Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali kienu f'livell ogħla f'Mejju meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu. F'Ġunju, in-numru ta' konvenji residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ kienu inqas minn dawk tas-sena ta' qabel.

Matul it-tnax-il xahar sa Mejju, id-depożiti tar-residenti Maltin, li jiffurmaw parti mill-aggregat monetarju wiesa' M3, żdiedu minħabba bilanċi ogħla li jappartjenu lill-familji. Kien hemm tnaqqis fid-depożiti miżmuma minn kumpaniji mhux finanzjarji u intermedjarji finanzjarji. Il‑kreditu lir‑residenti Maltin kompla jiżdied minħabba self ogħla kemm lis‑settur tal‑gvern kif ukoll lil setturi oħra.

F'Ġunju, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) niżlet marġinalment għal 2.2%, filwaqt li l‑HICP li jeskludi l‑prezzijiet tal-enerġija u l‑ikel, baqa' taħt il‑medja taż‑żona tal‑euro. Sadattant, skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), l‑inflazzjoni f'Ġunju naqset għal 1.3% minn 1.5% f'Mejju.

F'Mejju, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit, b'kuntrast mas-surplus irreġistrat sena qabel, l-aktar minħabba ż-żmien ta' meta sar ċertu nfiq rikorrenti.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju