News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
28/06/2024 08:40:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Ġunju
It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqa' kważi l-istess
L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Mejju, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kien bejn wieħed u ieħor l-istess bħall-medja storika.
F'Mejju kien hemm żieda fl-indikatur tal-fiduċja ekonomika maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta. Madankollu, dan baqa' taħt il-livell medju storiku. L-indikatur tal-aspettattivi tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi naqas u baqa' taħt il-medja.
L-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu fis-setturi kollha ħlief fis-settur tal-kostruzzjoni. L-akbar tnaqqis ġie mkejjel fis-settur tas-servizzi u fost il-konsumaturi.
L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu pożittivi. F'April, il-produzzjoni industrijali u l-kummerċ bl-imnut żdiedu fuq is-sena ta' qabel. Il-qgħad baqa' f'livell baxx minn perspettiva storika.
Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali kienu inqas f'April meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu. F'Mejju, in-numru ta' konvenji residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ kienu inqas minn dawk tas-sena ta' qabel.
Matul it-tnax-il xahar sa April, id-depożiti tar-residenti Maltin, li jiffurmaw parti mill-aggregat monetarju wiesa' M3, żdiedu minħabba bilanċi ogħla li jappartjenu lill-familji u lill-kumpaniji mhux finanzjarji. Il‑kreditu lir‑residenti Maltin kompla jiżdied b'rata mgħaġġla, xprunat minn tkabbir fis‑self lill‑gvern u lil setturi oħra.
F'Mejju, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) niżlet marġinalment għal 2.3%, filwaqt li l‑HICP li jeskludi l‑prezzijiet tal-enerġija u l‑ikel baqa' ferm inqas mill‑medja taż‑żona tal‑euro. Sadattant, l‑inflazzjoni, skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), naqset għal 1.5%, l‑aktar rata baxxa sa minn Ġunju 2021.
F'April, il-Fond Konsolidat irreġistra tnaqqis fid-defiċit meta mqabbel ma' sena qabel.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju