News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
29/05/2024
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Mejju
It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali naqas marġinalment
L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f’April, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali naqas marġinalment u baqa’ f'livell kemxejn taħt il-medja storika.
F’April kien hemm tnaqqis fl-indikatur tal-fiduċja ekonomika maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea, li baqa’ f’livell taħt il-medja storika. L-indikatur tal-aspettattivi tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi kien ukoll taħt il-medja mkejjel fuq żmien twil.
L-aspettattivi tal-prezzijiet xahar fuq xahar żdiedu fost il-konsumaturi, u f’livell inqas fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u s-servizzi, iżda naqsu b’mod sinifikanti fis-settur tal-kostruzzjoni u f’livell inqas fl-industrija.
L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta. F’Marzu, kemm il-produzzjoni industrijali u kif ukoll il-kummerċ bl-imnut naqsu fuq l-istess xahar is-sena ta’ qabel. Madankollu, il-qgħad baqa’ f’livell baxx minn perspettiva storika.
Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali kienu f’livell ogħla f’Marzu meta mqabbla mal-livelli ta’ sena ilu. F’April, in-numru ta’ konvenji residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta’ bejgħ żdiedu fuq is-sena ta’ qabel.
Matul it-tnax-il xahar sa Marzu, id-depożiti tar-residenti Maltin, li jiffurmaw parti mill-aggregat monetarju wiesa’ M3, żdiedu minħabba bilanċi ogħla li jappartjenu lill-familji u lill-kumpaniji mhux finanzjarji. Ir‑rata annwali ta’ tibdil immoderat meta mqabbla ma’ Frar. B’kuntrast, il‑kreditu lir-residenti Maltin kiber b’ritmu iktar mgħaġġel meta mqabbel ma’ xahar qabel.
F’April, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) niżlet għal 2.4% u attwalment tinsab konformi mal-medja taż-żona tal-euro, filwaqt li l‑HICP, li jeskludi l‑prezzijiet tal-enerġija u l‑ikel, baqa’ taħt il‑medja taż‑żona tal‑euro. Sadattant, l‑inflazzjoni, skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), naqset għal 1.6%, l‑aktar rata baxxa sa minn Lulju 2021.
F’Marzu, il-Fond Konsolidat irreġistra tnaqqis fid-defiċit meta mqabbel ma’ sena qabel.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju