News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
16/05/2024
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r‑Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur dwar l‑iżviluppi ekonomiċi fl-aħħar kwart tal-2023
Matul ir‑raba' kwart tal‑2023, l‑ekonomija Maltija kibret b'ritmu aktar moderat meta mqabbel mal-kwart ta' qabel. Meta wieħed jaġġusta għall-impatt tal-importazzjoni, l-esportazzjoni kienet il-kontributur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku, filwaqt li d-domanda domestika kellha impatt marġinalment pożittiv. L‑istima tal‑Bank tad‑differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali tindika li l‑livell ta' użu żejjed tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija kien iżgħar meta mqabbel mal-kwart ta' qabel.
L‑Indiċi tal‑Bank dwar il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju u l‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tal‑Kummissjoni Ewropea kienu f'livell kemxejn ogħla mill‑medja storika tagħhom.
L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi, u l-kundizzjonijiet għadhom stretti.
Il‑pressjoni fuq iż-żieda fil‑prezzijiet għall‑konsumatur kompliet tbatti fir-raba' kwart tas-sena, iżda l‑inflazzjoni baqgħet għolja minn perspettiva storika u kienet 'il fuq mill-mira ta' 2% tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar l-inflazzjoni.
Il‑proporzjon tad‑defiċit tal‑gvern ġenerali fil-prodott domestiku gross (PDG) u l‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG żdiedu meta mqabbla mat-tielet kwart tal‑2023, iżda naqsu meta mqabbla mal-2022. Il-proporzjon tad-dejn ta' Malta kien taħt il-medja taż-żona tal-euro, filwaqt li l-proporzjon tad-defiċit kien f'livell aktar għoli.
Filwaqt li l-PDG ta' Malta żdied fuq l-istess kwart sena qabel, dak fiż-żona tal-euro b'mod ġenerali baqa' l-istess. Skont il-Labour Force Survey, it-tkabbir fl-impjiegi f'Malta kien ogħla mill-medja taż-żona tal-euro, filwaqt li kien hemm tnaqqis fir-rata tal-qgħad. Madankollu, l-inflazzjoni HICP kienet ogħla hekk kif l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija kienet negattiva fiż-żona tal-euro, filwaqt li f'Malta baqgħet żero hekk kif il-prezzijiet tal-enerġija ma nbidlux.
Wara għaxar żidiet konsekuttivi, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE żamm it-tliet rati ewlenin tal-imgħax kif kienu fir-raba' kwart tal-2023. Ir‑rati tal‑politika monetarja tal‑BĊE baqgħu wkoll l‑istess matul l‑ewwel kwart tal‑2024.
It-tieni ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2024 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank.
Għal indikaturi aktar riċenti kkonsulta l-Aġġornament Ekonomiku.

Lura lejn l-Arkivju