News - Web Releases 2019
28/10/2019
Lekċer pubblika minn Dr Joseph Gravina fil-Bank Ċentrali ta’ Malta
Il‑Ġimgħa 25 ta’ Ottubru 2019 saret lekċer pubblika fil‑Bank Ċentrali ta’ Malta minn Dr Joseph Gravina bit‑tema “Blasphemous rumours? From school to industry in post‑colonial Malta”.
Il‑lekċerer ippreżenta spunti kritiċi ta’ interpretazzjoni dwar ir‑relazzjoni bejn l‑istrateġiji edukattivi u l‑mudelli tal‑iżvilupp ekonomiku fi żmien Malta postkolonjali. Attenzjoni speċjali ngħatat lit‑tibdil fil‑lingwa tal‑politika, filwaqt li ġie osservat li t‑tibdil fir‑retorika mhuwiex dejjem konformi mar‑realtà.
Il‑lekċer ta’ Dr Gravina kienet is‑seba’ waħda minn din is‑serje ta’ lekċers pubbliċi organizzati mill‑Bank fil‑qasam tal‑istorja ekonomika u soċjali ta’ Malta, li saru minn studjużi u riċerkaturi prominenti Maltin.
Dr Joseph Gravina huwa Senior Lecturer II fl‑Università ta’ Malta, impjegat fi ħdan id‑Dipartiment tas‑Systems of Knowledge fil‑Junior College. L‑interessi tiegħu ta’ riċerka jiffukaw fuq l‑istudju komparattiv tal‑industrijalizzazzjoni, ir‑riproduzzjoni soċjali u l‑edukazzjoni.
Dr Mario Vella, il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, għamel l‑introduzzjoni għal din il‑lekċer.

Back