News

News - Web Releases 2019

14/08/2019

Standards tekniċi regolatorji dwar l-awtentikazzjoni qawwija tal-klijent

Fil‑21 ta' Ġunju 2019, l‑Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) ippubblikat l‑Opinion on the elements of strong customer authentication (SCA) under the revised Payment Services Directive (PSD2). Din l‑opinjoni tindirizza t‑tħassib dwar it‑tħejjija u l‑konformità mar‑rekwiżiti tal‑awtentikazzjoni qawwija tal‑klijent (SCA) ta' diversi atturi fil‑katina tal‑pagamenti.

L‑iskadenza għall‑konformità mal‑istandards tekniċi regolatorji dwar l‑awtentikazzjoni qawwija tal‑klijent u dwar l‑istandards miftuħa ta' komunikazzjoni komuni u sigura (RTS fuq SCA u CSC) taħt id‑Direttiva PSD2 hija l‑14 ta' Settembru 2019.

F'dan ix‑xenarju, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jirrikonoxxi li hemm diffikultajiet sabiex tintlaħaq id‑data tal‑iskadenza tal‑14 ta' Settembru 2019 u - bħala Awtorità Kompetenti - kien qed jimpenja ruħu ma' partijiet ikkonċernati sabiex jiżviluppa pjan ta' migrazzjoni għall‑implimentazzjoni tal‑SCA għal tranżazzjonijiet tal‑kummerċ elettroniku.

F'dan ir‑rigward, il‑Bank Ċentrali ta' Malta qiegħed formalment idewwem l‑applikazzjoni tal‑provvedimenti tal‑RTS għal istituzzjonijiet regolati fuq tranżazzjonijiet tal‑kummerċ elettroniku li jsiru b'kards tal-ħlas biss, u l‑ebda azzjoni ta' infurzar m'għandha tittieħed sakemm ikun hemm evidenza li l‑istituzzjonijiet imsemmija jkunu ħadu l‑passi neċessarji sabiex ikunu konformi mal‑pjanijiet miftiehma ta' migrazzjoni.

Sabiex jiftiehem fuq metodu armonizzat u jiżgura implimentazzjoni bla xkiel tal‑SCA, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser ikompli jimpenja ruħu mal‑ABE, ma' Awtoritajiet Kompetenti Nazzjonali oħrajn fl‑Unjoni Ewropea u kif ukoll ma' partijiet ikkonċernati.

Lura lejn l-Arkivju