News - Web Releases 2019
30/07/2019
Central Bank of Malta Public Finance Workshop
Fil‑5 ta' Lulju 2019, il‑Bank Ċentrali ta' Malta organizza workshop fejn ġew diskussi suġġetti relatati mal-finanzi pubbliċi, li segwa laqgħa tal‑Working Group tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar il‑Finanzi Pubbliċi fl‑4 ta' Lulju.
Il‑workshop kien indirizzat minn Mr Alexander Demarco, id‑Deputat Gvernatur tal‑Bank responsabbli għall‑politika monetarja, u minn Mr John Caruana, Kap tal‑Monetary Policy & Operations and Eurosystem Relations Department.
Il‑workshop kien organizzat f'erba' sessjonijiet li jindirizzaw: analiżi bbażata fuq mudelli varji tal‑politika fiskali, ir-rabta bejn ħruġ tad‑dejn tal‑gvern u s‑settur privat, it‑tbassir u s‑sostenibbiltà tad‑dejn pubbliku, u l‑impatt tal‑politika fiskali fuq it‑tkabbir ekonomiku u l‑inugwaljanza.
B'kollox, is‑sessjonijiet inkludew disa' preżentazzjonijiet fuq xogħol li sar minn ekonomisti li jaħdmu l‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑BĊE, il‑Federal Reserve Bank of New York, il‑Kummissjoni Ewropea u numru ta' banek ċentrali nazzjonali u universitajiet Ewropej.
Id-diskussjonijiet kienu mmexxija minn membri mill‑Banco de España, mis‑Central Bank of Ireland, mill‑Ministeru għall‑Finanzi ta' Malta u l‑Queen Mary University of London.
Għall‑workshop attendew delegati mis‑Sistema Ewropea tal‑Banek Ċentrali, mill‑Kummissjoni Ewropea, mill‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Istatistika, mill‑Ministeru għall‑Finanzi u mill‑Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti.
L‑aġenda tal‑workshop tinkludi links għal diversi preżentazzjonijiet u diskorsi li ngħataw waqt il‑konferenza, kif ukoll in‑noti bijografiċi tal‑kelliema.





Back