News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2016

19/08/2016

Ħruġ ta’ sett ġdid ta’ muniti tal-euro datat 2016

Fit-22 ta' Awwissu 2016, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ sett ġdid ta' muniti tal‑euro datat 2016 f'verżjoni brilliant uncirculated. Is‑sett jinkludi t‑tmien muniti tal‑euro Maltin, kif ukoll munita taż‑€2 li turi t‑tempji preistoriċi tal‑Ġgantija. Din il‑munita hija l‑ewwel minn serje ta' seba' muniti ddedikati għal monumenti preistoriċi Maltin li huma ddikjarati wkoll bħala siti ta' wirt dinji mill‑UNESCO.

It‑Tempji tal‑Ġgantija f'Għawdex huma wħud mill‑aqwa tempji preistoriċi ppreservati fil‑gżejjer Maltin. Is‑sit imur lura għas‑snin 3,600 ‑ 3,200 QK, u huwa wieħed mill‑eqdem monumenti free‑standing fid‑dinja. It‑Tempji tal‑Ġgantija ġew iddikjarati bħala sit ta' wirt dinji mill‑UNESCO fl‑1980.

Il‑muniti kollha fis‑sett kienu maħduma fil‑Monnaie de Paris fi Franza. In‑naħat nazzjonali tal‑muniti tal‑euro u tal‑munita kommemorattiva taż‑€2 ġew iddisinjati mill‑artist Malti, Noel Galea Bason.

Is‑settijiet ser jiġu ppreżentati fi blister‑packs attraenti u llustrati, u l‑istampar tagħhom hu limitat għal 30,000 sett. Dawn jistgħu jinxtraw direttament mill‑e‑shop, li jista' jiġi aċċessat mis‑sit elettroniku tal‑Bank. Is‑settijiet jistgħu jinxtraw ukoll mill‑Malta Coins Distribution Centre (MCDC) fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġewwa l‑Belt Valletta.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCDC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

New euro coin set dated 2016

Lura lejn l-Arkivju