News - Aġġornament Ekonomiku 2020
17/01/2020
Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 1/2020
Il‑livell tal‑Indiċi tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju għal Diċembru jissuġġerixxi li l‑attività kompliet tikber fl‑aħħar xhur, għalkemm b’ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbel mal‑medja storika. L‑indiċi huwa sommarju statistiku bbażat fuq ir‑rati tat‑tkabbir ta’ għadd ta’ indikaturi f’relazzjoni mal‑medja storika tagħhom.
L‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tal‑Kummissjoni Ewropea għal Diċembru niżel ukoll taħt il‑medja storika tiegħu, bil‑fiduċja tonqos b’mod sinifikanti fis‑settur tas‑servizzi u fost il‑bejjiegħa, u b’mod inqas fis‑settur tal‑kostruzzjoni. Min‑naħa l‑oħra, kien hemm titjib fis‑sentiment fl‑industrija u fost il‑konsumaturi.
L‑Aġġornament Ekonomiku jirrapporta li r‑rata tal‑qgħad aġġustata għall-effetti staġjonali kienet fil‑livell ta’ 3.5% f’Novembru, marġinalment ogħla mir‑rata ta’ 3.4% rreġistrata fix‑xahrejn ta’ qabel, iżda ftit aktar baxxa mir‑rata ta’ 3.6% rreġistrata sena qabel. L‑għadd ta’ persuni impjegati kien ta’ 219,375 f’Lulju 2019, kważi 11,200 persuna iktar minn dak ta’ Lulju 2018, bil‑ħolqien tal‑impjiegi xprunat mis‑settur privat. Filwaqt li n‑numru ta’ persuni impjegati kien qed jiżdied b’rata ta’ 6.7% f’Lulju 2018, dan in‑numru kompla jiżdied b’ritmu mgħaġġel, għalkemm ir-rata tat-tkabbir battiet għal 5.4% f’Lulju 2019.
Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur niżlet għal 1.3% f’Novembru, minn 1.4% f’Ottubru.
Il‑pubblikazzjoni tagħti wkoll ħarsa lejn l‑iżviluppi fil‑finanzi pubbliċi u tinnota li f’Novembru kien irreġistrat tnaqqis fl-iżbilanċ fil‑Fond Konsolidat, meta mqabbel mal‑istess xahar fl‑2018. Dan irrifletta l‑fatt li d‑dħul żdied aktar mill‑infiq. Madankollu, id‑dejn tal‑Gvern għalaq ix‑xahar f’livell ogħla meta mqabbel ma’ Ottubru 2019, wara ħarġa ġdida ta’ Stokks tal‑Gvern ta’ Malta.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ, li jirrapporta wkoll dwar il‑produzzjoni industrijali, il‑kummerċ internazzjonali, il‑bejgħ bl‑imnut, l‑attività turistika u s‑swieq finanzjarji, huwa disponibbli fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta.
Back