News - Aġġornament Ekonomiku 2019
19/11/2019
Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 11/2019
F'Ottubru, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) naqas meta mqabbel max‑xahar ta' qabel, u beda jissuġġerixxi kundizzjonijiet taħt il‑medja.
B'kuntrarju għal dan, is‑sentiment ekonomiku tela' bi ftit u baqa' ogħla mill‑medja storika tiegħu. Żidiet fil‑fiduċja fis‑setturi tas‑servizzi u l‑kostruzzjoni, u xi ftit inqas fl‑industrija, għelbu tnaqqis fis‑sentiment fis‑settur tal‑bejgħ bl‑imnut u fost il‑konsumaturi.
F'Settembru, in‑numru ta' wasliet ta' turisti żdied fuq sena qabel, għalkemm b'ritmu inqas imgħaġġel meta mqabbel ma' Awwissu. Bl‑istess mod, il‑produzzjoni industrijali żdiedet b'rata inqas mgħaġġla. Il‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut żdied b'ritmu annwali aktar mgħaġġel meta mqabbel max‑xahar ta' qabel.
Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol komplew ikunu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati u r‑rata tal‑qgħad jibqgħu baxxi minn perspettiva storika.
Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) battiet għal 1.6% f'Settembru. Ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, immoderat ukoll għal 1.4%.
Id‑depożiti tar‑residenti Maltin żdiedu b'rata annwali iktar mgħaġġla ta' 5.6% fis‑sena sa Settembru, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied b'6.2% matul dan il‑perjodu.
Il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra defiċit meta mqabbel ma' bilanċ pożittiv sena qabel.
L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Back