News

News - Aġġornament Ekonomiku 2019

18/10/2019

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 10/2019

F'Settembru, l‑Indiċi tal‑Bank Ċentrali ta' Malta rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) baqa' l‑istess meta mqabbel max‑xahar ta' qabel, iżda kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet kemxejn ogħla mill‑medja.

Is‑sentiment ekonomiku żdied fuq il‑medja storika tiegħu matul ix‑xahar. Żieda fil‑fiduċja fis‑setturi tas‑servizzi u tal‑industrija għelbet tnaqqis fis‑sentiment fis‑sottokomponenti l‑oħrajn kollha, notevolment fil‑kostruzzjoni.

F'Awwissu, it‑tkabbir annwali fil‑wasliet ta' turisti kien ogħla minn dak irreġistrat xahar qabel. Il‑produzzjoni industrijali wkoll żdiedet b'ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbel ma' Lulju. Bl‑istess mod, il‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut kiber b'mod sinifikanti fuq sena qabel.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol komplew ikunu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati u r‑rata tal‑qgħad jibqgħu baxxi minn perspettiva storika.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet bi ftit għal 1.9% f'Awwissu. Ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, kienet stabbli fil‑livell ta' 1.7%.

Id‑depożiti tar‑residenti Maltin żdiedu b'ritmu annwali inqas mgħaġġel ta' 4.6% fis‑sena sa Awwissu, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied b'5.8% matul dan il‑perjodu.

Il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra bilanċ pożittiv ogħla meta mqabbel ma' Awwissu 2018.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Back