News

News - Aġġornament Ekonomiku 2019

19/09/2019 10:55:00

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 9/2019

F'Awwissu, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) batta meta mqabbel max‑xahar ta' qabel, iżda għadu jindika kundizzjonijiet ftit ogħla mill‑medja.

Matul ix-xahar, is‑sentiment ekonomiku niżel marġinalment taħt il‑medja storika tiegħu. L‑aktar tnaqqis sinifikanti kien irreġistrat fis‑setturi tal‑bejgħ bl‑imnut u tal‑kostruzzjoni.

F'Lulju mmodera t‑tkabbir annwali fin‑numru ta' turisti li ġew f'Malta. Il‑produzzjoni industrijali wkoll żdiedet b'ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbla ma' Ġunju. B'kuntrast għal dan, it‑tkabbir annwali fil‑volum tal‑bejgħ bl-imnut irpilja.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol komplew ikunu favorevoli, bin‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati u r‑rata tal‑qgħad jibqgħu baxxi minn perspettiva storika.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) kienet stabbli fil‑livell ta' 1.8% f'Lulju. Ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, naqset għal 1.7%.

Id‑depożiti tar‑residenti mal‑banek f'Malta żdiedu b'5.2% matul is‑sena sa Lulju, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied b'6.5% matul dan il‑perjodu.

Il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali rreġistra bilanċ pożittiv kemxejn ogħla meta mqabbel ma' Lulju 2018.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Back