News

News - Aġġornament Ekonomiku 2019

19/08/2019

Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 8/2019

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kemm ippubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sad‑9 ta' Awwissu 2019.

F'Lulju, l‑Indiċi tal‑Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) baqa' l‑istess meta mqabbel max‑xahar ta' qabel, u kompla jissuġġerixxi kundizzjonijiet ogħla mill‑medja. Is‑sentiment ekonomiku niżel marġinalment matul ix‑xahar, l‑aktar minħabba tnaqqis fis‑sentiment fl‑industrija. Madankollu baqa' f'livell ogħla mill‑medja tiegħu fuq żmien twil.

F'Ġunju, ir-rata annwali ta' tkabbir fin‑numru ta' turisti li ġew f'Malta u l‑infiq tagħhom żdiedet meta mqabbla ma' xahar qabel. Bl‑istess mod, il‑volum tal‑bejgħ bl‑imnut kiber fuq sena qabel. Il‑produzzjoni industrijali żdiedet f'termini annwali, wara tnaqqis f'Mejju.

Il‑kundizzjonijiet fis‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif in‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati u r‑rata tal‑qgħad baqgħu baxxi minn perspettiva storika. Ir‑rata tal‑qgħad niżlet bi ftit għal 3.4%.

F'Ġunju, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet marġinalment għal 1.8%. Ir‑rata bbażata fuq l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), li huwa l‑kejl aktar relevanti tal‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsum domestiku, baqgħet stabbli fil‑livell ta' 1.9%.

Id‑depożiti tar‑residenti Maltin fl‑aggregat monetarju wiesa' M3, u l‑kreditu lil residenti f'Malta, kibru b'5.7% matul it‑tnax‑il xahar sa Ġunju.

F'Ġunju, il‑Fond Konsolidat, li hu bbażat fuq dħul u nfiq attwali, irreġistra defiċit ikbar meta mqabbel ma' sena qabel.

L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Back