News - Aġġornament Ekonomiku 2017
19/07/2017
Aġġornament Ekonomiku: Ħarġa 7/2017
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Aġġornament Ekonomiku tiegħu, ibbażat fuq informazzjoni disponibbli sat‑18 ta' Lulju 2017.
F'Ġunju, l‑Indiċi tal-Bank rigward il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju (Business Conditions Index, BCI) naqas bi ftit u wera livelli ta' attività iktar baxxi mill‑medja. Madankollu, is‑sentiment ekonomiku tela' bi ftit matul ix‑xahar, hekk kif titjib fis‑sentiment fis‑setturi tal‑kostruzzjoni, tal‑industrija u fost il‑konsumaturi patta għal sentiment iktar dgħajjef fis‑setturi tas‑servizzi u tal‑bejgħ bl‑imnut.
F'Mejju, il‑bejgħ lill‑konsumaturi żdied f'termini annwali. L‑attività fit‑turiżmu wkoll kompliet tiżdied. B'kuntrast għal dan, il‑produzzjoni industrijali naqset bi ftit fuq l‑istess xahar tal‑2016.
Il‑kundizzjonijiet tas‑suq tax‑xogħol baqgħu favorevoli, hekk kif l‑impjiegi komplew jiżdiedu u n‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati kompla jonqos.
Iż‑żieda fil‑prezzijiet baqgħet moderata, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) tkun 1.1% f'Mejju u 1.0% f'Ġunju.
Id‑depożiti fil‑banek tar‑residenti f'Malta żdiedu b'rata annwali ta' 10.6% f'Mejju, filwaqt li l‑kreditu lil residenti f'Malta żdied b'1.3%. Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, il‑Fond Konsolidat ibbażat fuq dħul u nfiq attwali wera defiċit żgħir fl‑ewwel ħames xhur tal‑2017, hekk kif il‑pagamenti tal‑imgħax qabżu l‑bilanċ pożittiv primarju.
L‑Aġġornament Ekonomiku jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Back