News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2015

26/11/2015

Ħruġ ta’ prodott numiżmatiku konġunt – Laqgħa bejn il‑Mexxejja tal-Pajjiżi Membri tal‑Commonwealth

Il‑Bank Ċentrali ta Malta u l‑MaltaPost p.l.c. se jniedu prodott numiżmatiku konġunt li jfakkar il‑laqgħa bejn il‑mexxejja tal‑pajjiżi membri tal‑Commonwealth (CHOGM) li se ssir f’Malta bejn is‑27 u d‑29 ta’ Novembru 2015. Dan il‑prodott konġunt ser jikkonsisti f’munita tal‑fidda maħruġa mill‑Bank Ċentrali ta' Malta, bolla tal‑fidda maħruġa mill‑MaltaPost p.l.c. u pjanċa tal‑metall maħduma mid‑De La Rue.

Il‑munita li turi l‑Forti Sant’Anġlu, wieħed mill‑postijiet fejn se jitlaqqa’ ċ‑CHOGM, hija maħduma f’verżjoni proof u ddisinjata mir‑Royal Dutch Mint. Hi maħduma f'0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta 38.61 millimetru. Il‑bolla tal‑fidda turi l‑logo uffiċjali taċ‑CHOGM, tiżen 20 gramma u nħadmet f’0.999 fidda mill‑PAMP S.A. L‑inċiżjoni fuq il‑pjanċa tal‑metall saret mid‑De La Rue u turi l‑karta tal‑flus tal‑£M10 li kienet inħarġet mill‑Bank Ċentrali ta Malta fl‑1972.

Dan il‑prodott konġunt hu ppakkjat f’kaxxa attraenti u huwa limitat għal 1,150 sett. Kull sett ser jinbiegħ għall‑prezz ta’ €145 u jista’ jinxtara direttament mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta ġewwa l‑Belt Valletta, mill‑fergħat tal‑MaltaPost, jew mis‑sit elettroniku www.maltaphilately.com.

Il‑Professur Josef Bonnici, Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, u s‑Sur Joseph Said, Chairman tal‑MaltaPost p.l.c. ppreżentaw uffiċjalment dan is‑sett lill‑Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat.

Għal aktar informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8, jew lill‑Philatelic Bureau, MaltaPost p.l.c. billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2596 1740.

Joint numismatic product – Commonwealth Heads of Government Meeting 
Lura lejn l-Arkivju