News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2015

30/01/2015 19:01:00

Ħruġ ta’ Munita Numiżmatika li Tfakkar l-Erba’ Mitt Anniversarju tal-Akkwedott ta’ Wignacourt

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita tal‑fidda li tfakkar l‑erba' mitt anniversarju mill‑inawgurazzjoni tal‑Akkwedott ta' Wignacourt. Il‑munita għandha valur nominali ta' €10.

Il‑munita kienet maħduma fir‑Royal Belgian Mint f'0.925 fidda, tiżen 22.85 grammi u għandha dijametru ta' 37 millimetru. Il‑munita, li hi maħduma f'verżjoni proof u l‑istampar tagħha hu limitat għal 2,500 munita, ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason.

Il‑faċċata ta' wara tal‑munita turi aspetti mill‑Akkwedott, jiġifieri l‑arkata ta' Wignacourt, li kienet tinsab fi Fleur‑de‑Lys, u l‑għajn ta' Wignacourt li tinsab fil‑Furjana. Dawn huma inkwadrati f'motif li jfakkar l‑arkati li għadhom jeżistu tal‑akkwedott. Il‑faċċata ta' quddiem tal‑munita tinkludi xbieha tal‑Gran Mastru Alof Wignacourt li ffinanzja parti sostanzjali mill‑ispiża għall‑bini tal‑akkwedott, li kien iwassal ilma frisk mir‑Rabat għall‑Belt Valletta. L‑akkwedott kien wieħed mill‑ikbar proġetti ta' utilità pubblika li saru mill‑Kavallieri tal‑Ordni ta' San Ġwann u kien inawgurat fil‑21 ta' April 1615.

Il‑munita tista' tinxtara mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġewwa l‑Belt Valletta mit‑Tnejn 2 ta' Frar 2015, jew billi timtela l‑formola li tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank. Il‑munita ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €58 (VAT inkluż).

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

 

400th Anniversary of the Wignacourt Aqueduct silver coin - obverse         400th Anniversary of the Wignacourt Aqueduct silver coin - reverse

Lura lejn l-Arkivju