News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2015

30/01/2015 19:00:00

Simpożju u t-Tnedija ta’ Programm għall-2015 dwar Ħruġ ta’ Muniti

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qed jintroduċi l‑programm tiegħu għall‑2015 dwar ħruġ ta' muniti li jinkludi l‑prodotti li ġejjin:

  • Munita numiżmatika tal‑fidda li tfakkar l‑erba' mitt anniversarju mill‑inawgurazzjoni tal‑Akkwedott ta' Wignacourt ser toħroġ f'Jannar 2015.
  • Munita numiżmatika tad‑deheb u l‑fidda maħruġa taħt l‑Europa Programme li fl‑2015 hu ddedikat għall‑waqgħa tal‑Purtiera tal‑Ħadid. Il‑muniti Maltin juru l-laqgħa ta' bejn Bush u Gorbachev li kienet saret f'Malta fl‑1989. Dawn il‑muniti ser joħorġu fi Frar 2015.
  • Munita kommemorattiva taż‑€2 li tfakkar avveniment importanti fl‑istorja tal‑avjazzjoni Maltija - il‑mitt sena mill‑ewwel titjira ta' ajruplan tal‑baħar minn Malta. Il‑munita ser toħroġ fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment bħala coin cards. Din il‑munita se toħroġ f'Marzu 2015.
  • Munita numiżmatika tad‑deheb li tfakkar lill‑qaddis Papa Ġwanni Pawlu II ser toħroġ f'April 2015, fl‑għaxar anniversarju mill‑mewt tiegħu.
  • Sett ta' muniti datat 2015, li fih it‑tmien muniti tal‑euro Maltin fiċ‑ċirkolazzjoni, munita kommemorattiva taż‑€2 li hija l‑aħħar waħda minn serje ta' ħames muniti li jfakkru "Avvenimenti importanti fl‑istorja Kostituzzjonali ta' Malta", u munita replika tal‑perjodu Normann. Dan is‑sett ser joħroġ f'Mejju 2015.
  • Munita numiżmatika tad‑deheb u l‑fidda li turi l‑faċċata tal‑Auberge de Baviere, il‑ħames waħda mis‑serje dwar il‑Bereġ tal‑Kavallieri tal‑Ordni ta' San Ġwann, ser toħroġ f'Ġunju 2015.
  • Munita numiżmatika tal‑fidda, li tfakkar l‑erba' mija u ħamsin anniversarju mill‑Assedju l‑Kbir, ser toħroġ f'Awwissu 2015.
  • Munita kommemorattiva taż‑€2 dwar l‑istorja kostituzzjonali ta' Malta li għandha l‑iskrizzjoni "Republic, 1974" ser toħroġ f'verżjoni proof u kif ukoll fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed. Din il‑munita ser toħroġ f'Settembru 2015.
  • Munita numiżmatika tad‑deheb li hija riproduzzjoni ta' Third Farthing (tiswa tnax‑il darba inqas minn penny) li ċċirkolat f'Malta matul il‑perjodu Ingliż. Din ser toħroġ taħt il‑Programm "L‑Iżgħar Munita tad‑Deheb fid‑Dinja" f'Ottubru 2015.
  • Munita kommemorattiva taż‑€2 li tfakkar it‑tletin anniversarju mill‑adozzjoni tal‑bandiera Ewropea bħala l‑emblema uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea. Din il‑munita ser ikollha disinn komuni li ser toħroġ fil‑pajjiżi kollha taż‑żona tal‑euro. Id‑data tal‑ħruġ ta' din il‑munita għadha trid tiġi stabbilita.

Flimkien mat‑tnedija tal‑programm tiegħu għall‑2015 dwar ħruġ ta' muniti, il‑Bank ospita simpożju, "Mill-Assedju l-Kbir sal-Gwerra l-Bierda", fit-30 ta' Jannar 2015, ippresedut mill‑Professur Henry Frendo. Saru preżentazzjonijiet minn panel ta' esperti dwar suġġetti relatati mat‑temi tal‑programm ta' muniti. Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Josef Bonnici, għalaq is-simpożju b'riflessjonijiet dwar l-iżviluppi ekonomiċi li ssostitwixxew l-attività militari u dwar il-kontribut tas-settur finanzjarju lejn l-istabbiltà tal-ekonomija Maltija. Il-Gvernatur innota wkoll il-potenzjal ta' Malta li taqdi r-rwol tagħha biex tgħin fl-iżvilupp reġjonali billi toffri servizzi finanzjarji u servizzi oħra b'valur miżjud għoli fil-Mediterran u lil hinn minnu.

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq +356 2550 6006/7/8. Il‑programm dwar ħruġ ta' muniti jista' jitniżżel mis‑sit elettroniku tal‑Bank www.centralbankmalta.org.

Lura lejn l-Arkivju