News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2015

15/12/2015

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – it-Tielet Ħarġa tal-2015

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t‑tielet ħarġa tar‑Rivista tiegħu ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2015, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji riċenti f'Malta u barra minn Malta. Ir‑Rivista tinkludi wkoll numri ta' rapporti analitiċi dwar ir‑relazzjoni bejn l‑inflazzjoni u l‑qagħda ekonomika f'Malta, dwar l‑impatt tal‑miżuri tal‑politika fiskali fuq il‑prodott domestiku gross (PDG), kif ukoll ħarsa ġenerali lejn l‑aħħar estensjoni tal‑mudell makroekonometriku tal‑Bank, li jkopri f'aktar dettall ir‑rabtiet bejn is‑settur finanzjarju u l‑kumplament tal‑ekonomija.

Ir‑Rivista taċċenna li, matul it‑tielet trimestru tal‑2015 u fil-bidu tat‑trimestru ta' wara, il‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) żamm xejra akkomodattiva tal‑politika monetarja. Dan jirrifletti t‑tħassib li l‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro ser tibqa' inqas mill‑mira ta' taħt, iżda viċin, it‑2.0% għal perjodu aktar fit‑tul.

Fit‑3 ta' Diċembru, il‑Kunsill Governattiv iddeċieda dwar firxa ta' aktar miżuri sabiex jintlaħaq l‑għan tal‑istabbiltà fil‑prezzijiet. Ir‑rata fuq il‑faċilità ta' depożitu tnaqqset b'għaxar punti bażi għal ‑0.30% f'Diċembru. Fir‑rigward tal‑miżuri straordinarji, għalkemm il‑Kunsill Governattiv ma bidilx il‑mira tiegħu ta' xiri ta' kull xahar ta' titoli taħt il‑programm estiż tiegħu ta' xiri ta' assi (APP) ta' €60.0 biljun, estenda l‑programm tal‑inqas sal‑aħħar ta' Marzu 2017. Barra minn hekk, il‑programm ta' xiri tas‑settur pubbliku ġie estiż għal titoli denominati f'euro maħruġa minn gvernijiet reġjonali u lokali fiż‑żona tal‑euro. Il‑Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jestendi l‑proċeduri ta' sejħa għall‑offerti b'rata fissa b'allokazzjoni totali sakemm ikun meħtieġ, u li jinvesti mill‑ġdid il‑pagamenti prinċipali ta' titoli ta' dejn mixtrija taħt l‑APP hekk kif jimmaturaw. Fl‑istess waqt, il‑BĊE ma bidilx ir‑rata tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament (MRO) li qiegħda fl‑iżjed livell storikament baxx, jiġifieri 0.05%, filwaqt li r‑rata fuq il‑faċilità ta' self marġinali baqgħet ukoll stabbli fil‑livell ta' 0.30%.

Matul it‑tielet trimestru tal‑2015, il‑PDG fiż‑żona tal‑euro żdied b'0.3% fuq it‑trimestru ta' qabel, bit-tkabbir iseħħ minħabba d‑domanda domestika. Il‑pressjonijiet inflazzjonarji baqgħu mrażżnin, bir‑rata annwali tal‑inflazzjoni tinżel minn 0.2% f'Ġunju għal ‑0.1% f'Settembru. L‑inflazzjoni saret pożittiva fir‑raba' trimestru, iżda baqgħet dgħajfa, bl‑istima preliminari għal Novembru tkun 0.1%.

Skont it‑tbassir makroekonomiku ppubblikat mill‑istaff tal‑Eurosistema f'Diċembru, l‑irkupru ekonomiku fiż‑żona tal‑euro hu mistenni li jkompli, bit‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali mistenni li jiżdied minn 1.5% din is‑sena għal 1.9% sal‑2017. L‑inflazzjoni hi mistennija li tibqa' baxxa fil‑livell ta' 0.1% fl‑2015, imbagħad mistennija li taċċellera għal 1.0% u 1.6% fl‑2016 u fl‑2017, rispettivament.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi domestiċi, ir‑Rivista tinnota li l‑ekonomija Maltija kompliet tikber b'pass qawwi. L‑istimi inizjali għat‑tieni trimestru wrew tkabbir ta' 5.2% fil‑PDG f'termini reali meta mqabbel mal‑istess trimestru tal‑2014, minħabba d‑domanda domestika, filwaqt li l-esportazzjoni netta kellha effett kuntrarju. Matul it‑tielet trimestru, it‑tkabbir annwali fil‑PDG f'termini reali kien 5.4%, tnaqqis mir‑rata tat‑tkabbir riveduta 'l fuq ta' 5.8% fit‑trimestru ta' qabel.

L‑attività ekonomika b'saħħitha ġiet riflessa wkoll fis‑suq tax‑xogħol. Matul it‑tieni trimestru tal‑2015, l‑impjiegi komplew jiżdiedu, filwaqt li r‑rata tal‑qgħad żammet ix‑xejra tagħha ta' tnaqqis. Skont il‑Labour Force Survey (LFS), l‑impjiegi żdiedu b'1.4% f'termini annwali. Sadattant, ir‑rata tal‑qgħad ibbażata fuq l‑LFS naqset għal 5.4% minn 5.8% sena qabel.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni f'Malta bbażata fuq l‑HICP kienet 1.6% f'Settembru, żieda minn 1.1% f'Ġunju. Din iż‑żieda seħħet l‑aktar minħabba żviluppi fil‑prezzijiet tas‑servizzi, tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija, u tal‑ikel. F'Ottubru, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑HICP baqgħet stabbli fil‑livell ta' 1.6%. Meta mqabbla maż‑żona tal‑euro, ir‑rata tal‑inflazzjoni f'Malta hi aktar viċin il‑mira tal‑politika monetarja, parzjalment minħabba attività ekonomika aktar b'saħħitha u parzjalment minħabba l‑impatt tat-tnaqqis fil-valur tal‑euro sa mill‑bidu tas‑sena fuq il‑prezz tal‑prodotti u tas‑servizzi impurtati minn pajjiżi barra ż‑żona tal‑euro.

Fis‑settur barrani, matul it‑tieni trimestru tal‑2015, il‑bilanċ pożittiv fuq il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti żdied, meta mqabbel mal‑istess perjodu tal‑2014. Dan irrifletta bidla fid‑dħul nett fuq il‑kont primarju tal‑introjtu u żieda fil‑bilanċ favorevoli fuq il‑kont tas‑servizzi. Dan iċ‑ċaqliq ikkompensa għal żbilanċ akbar fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija u tnaqqis fid‑dħul nett fuq il‑kont sekondarju tal‑introjtu. B'riżultat ta' dan, fis‑sena sa Ġunju 2015, il‑bilanċ favorevoli fil‑kont kurrenti kien 4.5% tal‑PDG.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fil‑flus u l‑kreditu, id‑depożiti tar‑residenti f'Malta ma' banek Maltin komplew jiżdiedu b'mod qawwi, għalkemm ir‑rata tat‑tkabbir annwali naqset għal 16.0% f'Settembru, minn 19.1% f'Ġunju. Sadattant, l‑irkupru fil‑kreditu lir‑residenti f'Malta għamel il‑progress, bir‑rata tat‑tkabbir annwali titla' għal 4.8% f'Settembru, minn 1.1% tliet xhur qabel.

Il‑yields tas‑suq monetarju lokali baqgħu stabbli matul it‑trimestru kopert. Ir‑rata fuq il‑bills tat‑Teżor b'perjodu ta' maturità ta' tliet xhur fis‑suq primarju baqgħet 0.00% bejn Ġunju u Settembru. Fis‑suq kapitali sekondarju, madankollu, il‑yields fuq bonds tal‑gvern komplew ix‑xejra tagħhom 'l isfel, bil‑yield fuq bonds tal‑gvern b'perjodu ta' maturità ta' għaxar snin tonqos bi 48 punt bażi għal 1.49% sal‑aħħar ta' Settembru u għal 1.27% sal‑aħħar ta' Ottubru. Fir‑rigward tar‑rati tal‑banek għas‑self, ir‑rata medja ppeżata tal‑imgħax fuq is‑self lil individwi u kumpaniji mhux finanzjarji residenti f'Malta naqset b'erba' punti bażi matul it‑tielet trimestru għal 3.85% fl‑aħħar ta' Settembru.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, fit‑tieni trimestru tal‑2015 kien hemm tnaqqis fid‑defiċit tal‑gvern ġenerali fuq sena qabel, hekk kif id‑dħul żdied aktar mill‑infiq. B'riżultat ta' dan, id‑defiċit tal‑gvern ġenerali, imkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, kien 2.2% tal‑PDG, tnaqqis minn 2.5% fit‑trimestru ta' qabel. Il‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern ġenerali għall‑PDG naqas ukoll għal 68.9% f'Ġunju. Id‑data tal‑Fond Konsolidat turi li d‑defiċit naqas matul l‑ewwel disa' xhur tas‑sena, meta mqabbel mal‑istess perjodu tal‑2014.

Din il‑ħarġa tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur tinkludi wkoll l‑aħħar tbassir makroekonomiku tal‑Bank, li kien komplut f'Novembru. Il‑Bank jipprevedi li t‑tkabbir fil‑PDG ser jibqa' b'saħħtu din is‑sena fil‑livell ta' 4.1%, qabel ma jbatti fis‑sentejn ta' wara għal‑livell ta' 3.2% fl‑2017. Id‑domanda domestika mistennija tkun l-istimolu ewlieni wara t‑tkabbir fl‑attività fuq il‑perjodu tat‑tbassir.

L‑inflazzjoni HICP hi mistennija li tkun f'medja ta' 1.2% fl‑2015, iżda mistennija li tirpilja aktar fl‑2016 u fl‑2017 u tilħaq il‑1.9% fl‑aħħar sena tal‑perjodu tat‑tbassir. Fl‑2016, din iż‑żieda tirrifletti l‑aktar iċ‑ċaqliq mistenni fil‑prezzijiet tal‑enerġija u s‑servizzi, filwaqt li żieda mistennija fil‑prezz internazzjonali taż‑żejt hi mistennija li tagħti spinta akbar lill‑inflazzjoni fl‑2017.

Ir‑riskji għat‑tbassir tat‑tkabbir ekonomiku tal‑PDG u tal‑inflazzjoni huma bbilanċjati.

Minn perspettiva ta' politika ekonomika, it‑tnaqqis riċenti fid‑defiċit fiskali huwa żvilupp pożittiv. Madankollu, l‑orjentament fiskali għandu jibqa' ffukat lejn il‑ksib tal‑miri uffiċjali tal‑Baġit 2016, li jipprevedu tnaqqis progressiv tad‑defiċit fiskali u tal‑proporzjon tad‑dejn.

Is‑sistema finanzjarja baqgħet b'saħħitha, sostnuta mill‑mudell prudenti tan-negozju tal‑core domestic banks, li hi riflessa fil‑livelli b'saħħithom tagħhom ta' kapital u likwidità. Madankollu, aktar sforzi huma meħtieġa sabiex jiżdiedu l‑provvedimenti kontra s‑self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans) u jissaħħu r‑riżervi.

Il‑miżuri straordinarji tal‑BĊE kellhom effett pożittiv fuq l‑ekonomija Maltija, l‑aktar permezz tal‑metodu tar‑rata tal‑kambju. Dawn il‑miżuri kellhom ukoll impatt pożittiv fuq is‑swieq tal‑ishma domestiċi u tal-proprjetà.

Fl‑istess waqt, għalkemm naqsu r‑rati tal‑banek għas‑self, xorta jibqgħu ogħla minn dawk ta' pajjiżi oħra fiż‑żona tal‑euro. Fil‑fatt, f'rapport riċenti, il‑Malta Competition and Consumer Affairs Authority għamlet numru ta' rakkomandazzjonijiet sabiex tindirizza kwistjonijiet relatati ma' trasparenza tal‑prezzijiet, ostakli għat-tkabbir u l‑mobilità tal‑konsumatur f'relazzjoni mar-rati tal‑imgħax fuq is‑self lil intrapriżi żgħar u medji f'Malta. Għalhekk jibqa' l-iskop għal aktar titjib f'termini tat‑trażmissjoni tax‑xejra akkomodattiva tal‑politika monetarja tal‑BĊE għal rati kummerċjali domestiċi. Hu meħtieġ ukoll li jitjieb l‑aċċess għall‑finanzjament. Tnaqqis fl‑ispejjeż imposti mill‑banek għandu jbatti l-kundizzjonijiet ta' finanzjament għall‑kumpaniji, kif ukoll iħeġġeġ l‑użu ta' mezzi aktar effiċjenti ta' ħlas.

It‑tielet ħarġa tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur għall‑2015 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju