News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2015

12/03/2015

Ħruġ ta’ Muniti Numiżmatiċi li jfakkru s-Summit bejn Bush u Gorbachev f’Malta

Fis-16 ta' Marzu 2015, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ muniti numiżmatiċi tad‑deheb u l‑fidda li jfakkru l‑laqgħa li kienet saret f'Malta f'Diċembru 1989 bejn il‑President tal‑Istati Uniti George H. W. Bush u l‑mexxej tal‑Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev. Il‑muniti ser jinħarġu taħt l‑Europa Programme bit‑tema "Il‑Waqgħa tal‑Purtiera tal‑Ħadid" u għandhom il-marka tal‑logo Europa Star.

Il‑munita tad‑deheb għandha valur nominali ta' €50, maħduma f'0.916 deheb, tiżen 6.5 grammi u għandha dijametru ta' 21 millimetru. L‑istampar ta' din il‑munita hu limitat għal 1,500 munita. Il‑munita tal‑fidda għandha valur nominali ta' €10. Hi maħduma f'0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta' 38.61 millimetru. L‑istampar ta' din il‑munita hu limitat għal 5,000 munita. Iż‑żewġ muniti huma maħduma fil‑verżjoni proof. Il‑munita tad‑deheb ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €320, filwaqt li l‑munita tal‑fidda ser tinbiegħ għall‑prezz ta' €60.

Il‑muniti ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma fir‑Royal Dutch Mint. Il-faċċata ta' wara tal‑munita turi lill‑President tal‑Istati Uniti u lill‑mexxej tal‑Unjoni Sovjetika jieħdu b'idejn xulxin, simbolu tal‑ispirtu ġdid ta' ħbiberija u kooperazzjoni bejn iż‑żewġ superpotenzi. Il‑Malta Summit effettivament wassal għat‑tmiem tal‑Gwerra Bierda u, iktar tard, għall‑waqgħa tal‑Purtiera tal‑Ħadid. Il‑faċċata ta' quddiem tal‑muniti turi l‑istemma araldika ta' Malta.

Il‑muniti jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġewwa l‑Belt Valletta mis-16 ta' Marzu 2015, jew billi timtela l‑formola li tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank.

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

Bush-Gorbachev Malta Summit silver coin                            Bush-Gorbachev Malta Summit gold coin

Lura lejn l-Arkivju