News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2015

18/06/2015

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – l-Ewwel Ħarġa tal-2015

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑ewwel ħarġa tar‑Rivista tiegħu ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2015, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji riċenti f'Malta u barra minn Malta, u tippreżenta t‑tbassir ekonomiku l‑aktar riċenti tal‑Bank. Barra minn hekk, ir‑Rivista tinkludi numru ta' rapporti analitiċi dwar it‑tfaddil tal‑individwi Maltin; dwar ix‑xogħol tal‑Competitiveness Research Network tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE); dwar multipliers f'oqsma speċifiċi tal‑ekonomija Maltija; u dwar l‑istħarriġ imniedi riċentement li janalizza l‑aċċess għall‑finanzjament mill‑kumpaniji lokali.

Il‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE żamm xejra akkomodattiva tal‑politika monetarja matul l‑ewwel ħames xhur tal‑2015, hekk kif l‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro kienet imbassra li tibqa' anqas mill‑mira ta' taħt, iżda viċin, it‑2.0% għal żmien aktar fit‑tul.

Il‑BĊE żamm ir‑rata tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament fl‑istess livell ta' 0.05%. Ir‑rata fuq il‑faċilità ta' self marġinali u r‑rata fuq il‑faċilità ta' depożitu baqgħu 0.30% u ‑0.20% rispettivament. F'Jannar 2015, il‑BĊE ħabbar li estenda l‑programm tiegħu ta' xiri ta' assi li jinkludi xiri ta' bonds tal‑gvern fis‑suq sekondarju.

Matul l‑ewwel trimestru tal‑2015, il‑prodott domestiku gross (PDG) fiż‑żona tal‑euro tela' b'0.4% fuq it‑trimestru ta' qabel. Id‑domanda domestika xprunat it‑tkabbir, filwaqt li l‑kontribut mill‑esportazzjoni netta sar wieħed negattiv.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) baqgħet negattiva matul l‑ewwel trimestru. F'Marzu kienet ‑0.1%, żieda minn ‑0.2% f'Diċembru, filwaqt li sa April ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni kienet żero. L‑irkupru moderat tal‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro bejn Diċembru u April rrifletta l‑aktar l‑iżviluppi fil‑prezzijiet tal‑ikel u l‑enerġija.

Skont it‑tbassir makroekonomiku ppubblikat mill‑istaff tal‑Eurosistema f'Ġunju, l‑attività ekonomika fiż‑żona tal‑euro hi mistennija li tirkupra, bit‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali jaċċellera minn 0.9% fl‑2014 għal 2.0% fl‑2017. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni hi mistennija li tinżel bi ftit minn 0.4% fl‑2014 għal 0.3% fl‑2015, qabel ma taċċellera għal 1.8% sa l‑2017.

L‑ekonomija Maltija kibret b'pass qawwi fl‑aħħar trimestru tal‑2014, bil‑PDG f'termini reali jiżdied b'4.0% f'termini annwali. It‑tkabbir seħħ minħabba l‑komponenti ewlenin kollha tad‑domanda domestika. Madankollu, l‑esportazzjoni netta dgħajfet it‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali, hekk kif l‑esportazzjoni naqset filwaqt li żdiedet l‑importazzjoni.

Ir‑Rivista tinkludi wkoll suppliment dwar żviluppi fil‑PDG fl‑ewwel trimestru tal‑2015. L‑attività ekonomika baqgħet b'saħħitha, bil‑PDG f'termini reali jiżdied b'4.0% fuq sena qabel minħabba l‑esportazzjoni netta.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑HICP f'Malta kienet 0.5% f'Marzu, żieda marġinali minn 0.4% f'Diċembru. Din iż‑żieda seħħet l‑aktar minħabba l‑prezzijiet tal‑ikel u tal‑prodotti industrijali li mhumiex marbutin mal‑enerġija. B'kuntrast għal dan, il‑pressjonijiet fuq il‑prezzijiet battew fil‑każ tas‑servizzi u tal‑enerġija. F'April 2015, l‑inflazzjoni annwali kompliet tiżdied għal 1.4%, l‑aktar minħabba li t‑tnaqqis fit‑tariffi tal‑elettriku ta' April 2014 ma baqax jaffettwa r‑rata annwali.

Fir‑rigward tas‑suq tax‑xogħol, l‑impjiegi komplew jiżdiedu, filwaqt li r‑rata tal‑qgħad żammet ix‑xejra tagħha ta' tnaqqis matul l‑aħħar trimestru tal‑2014. Il‑Labour Force Survey (LFS) wera li l‑impjiegi żdiedu b'1.2% fuq sena qabel, li jirriżulta f'żieda ta' 3.1% fis‑sena kollha kemm hi. Ir‑rata tal‑qgħad, ibbażata fuq l‑LFS, naqset għal 5.9% fl‑aħħar trimestru tal‑2014, minn 6.4% sena qabel.

Fis‑settur barrani, il‑bilanċ favorevoli fuq il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti wera żieda matul l‑aħħar trimestru tal‑2014 fuq sena qabel. Iż‑żieda parzjalment irriflettiet bilanċ favorevoli akbar fil‑kont tas‑servizzi, filwaqt li żdied l‑iżbilanċ fuq il‑kont tal‑prodotti. Matul is‑sena kollha kemm hi, il‑bilanċ favorevoli fil‑kont kurrenti niżel għal 2.7% tal‑PDG, minn 3.1% fl‑2013.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fil‑flus u l‑kreditu, id‑depożiti tar‑residenti f'Malta ma' banek domestiċi komplew jiżdiedu b'mod qawwi, u rreġistraw rata tat‑tkabbir annwali ta' 14.6% f'Marzu, l‑istess bħal f'Diċembru. Sadattant batta t‑tnaqqis fil‑kreditu. Il‑kreditu mogħti lir‑residenti f'Malta naqas b'rata annwali ta' 1.1% f'Marzu, wara tnaqqis ta' 2.7% fis‑sena sa Diċembru.

Ir‑rati domestiċi tal‑imgħax kienu affettwati b'mod qawwi mit‑tnaqqis fir‑rati tal‑imgħax taż‑żona tal‑euro. Il‑yields fuq il‑bills tat‑Teżor b'perjodu ta' maturità ta' tliet xhur naqsu għal 0.00% sa Marzu. Il‑yields fuq bonds tal‑gvern b'perjodu ta' maturità ta' ħames snin u għaxar snin naqsu wkoll, għal 0.58% u 1.16%, rispettivament. Barra dan, kien hemm tnaqqis fir‑rati tal‑banek għas‑self, bir‑rata medja ppeżata tal‑imgħax fuq self lill‑individwi u kumpaniji mhux finanzjarji residenti f'Malta tilħaq it‑3.98% fl‑aħħar ta' Marzu.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, fl‑aħħar trimestru tal‑2014, il‑bilanċ favorevoli tal‑gvern ġenerali żdied fuq sena qabel. Dan wassal għal titjib fil‑pożizzjoni fiskali għas‑sena kollha kemm hi, bid‑defiċit tal‑gvern ġenerali jonqos għal 2.1% tal‑PDG. Sadattant, id‑dejn tal‑gvern ġenerali naqas għal 68.0% tal‑PDG. Id‑data tal‑Fond Konsolidat turi aktar titjib fil‑bilanċ tal‑baġit matul l‑ewwel erba' xhur tal‑2015.

Fit‑tbassir ekonomiku l‑aktar riċenti, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jistenna li t‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali jaċċellera minn 3.5% fl‑2014 għal 3.6% din is‑sena, qabel ma jbatti għal 3.0% fl‑2016. It‑tkabbir hu mistenni li jseħħ minħabba d‑domanda domestika. Min‑naħa l‑oħra, hekk kif l‑importazzjoni hi mistennija li tiżdied aktar mill‑esportazzjoni, l‑esportazzjoni netta hi mistennija li jkollha impatt negattiv fuq it‑tkabbir fil‑PDG. L‑inflazzjoni HICP f'Malta hi mistennija li tiżdied minn 0.8% fl‑2014 għal 1.4% fl‑2015, qabel ma titla' għal 1.8% fl‑2016. Ir‑riskji għat‑tbassir tat‑tkabbir ekonomiku tal‑PDG u tal‑inflazzjoni huma bbilanċjati.

Minn perspettiva ta' politika ekonomika, il‑probabbiltà li l‑Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv għal Malta tiġi mneħħija, hija milqugħa. Madankollu, l‑orjentament fiskali għandu jibqa' iffukat lejn tnaqqis progressiv tad‑defiċit fiskali skont il‑miri tal‑Gvern.

Is‑sistema finanzjarja Maltija għadha b'saħħitha, hekk kif kompla t‑tkabbir fid‑depożiti tar‑residenti f'Malta. Madankollu, aktar sforzi huma meħtieġa biex is‑sorsi ta' fondi jkunu ddiversifikati, jiżdiedu l‑provvedimenti u titnaqqas l‑espożizzjoni lil self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura. Meta titqies il‑pożizzjoni relattivament b'saħħitha tal‑banek, jista' jkun hemm skop għal żieda fis‑self lis‑settur privat.

Parteċipazzjoni aktar attiva mill‑banek fil‑programm tal‑BĊE tax‑xiri ta' assi tista' ssaħħaħ il‑fluss ta' kreditu lill‑ekonomija domestika u tiddiversifika l‑ammonti ta' assi miżmuma mill‑banek. Ix‑xejra akkomodattiva tal‑politika monetarja kurrenti għandha twassal għal tnaqqis fir‑rati tal‑imgħax tal‑banek, filwaqt li l‑likwidità li jirċievu l‑banek permezz tal‑programm għandha tiġi trażmessa lill‑kumplament tal‑ekonomija. Jibqa' importanti li jiġi żgurat li s‑settur privat, partikolarment l‑intrapriżi żgħar u medji, jibbenifika minn titjib fl‑aċċess għall‑finanzjament. Il‑Bank jappoġġja riformi istituzzjonali f'dan il‑qasam, notevolment it‑twaqqif ta' bank għall‑iżvilupp.

L‑ewwel ħarġa tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur għall‑2015 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

 

 

 

Lura lejn l-Arkivju