News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2015

13/07/2015

Ħruġ ta’ Muniti Numiżmatiċi – Auberge De Bavière

Fil‑15 ta' Lulju 2015, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ żewġ muniti numiżmatiċi, waħda tad‑deheb u oħra tal‑fidda, li juru l‑Auberge de Bavière. Din ser tkun il‑ħames u l‑aħħar waħda mis‑serje ta' muniti numiżmatiċi maħruġa mill‑Bank dwar il‑bereġ tal‑Kavallieri tal‑Ordni ta' San Ġwann.

Palazzo Carnerio, illum magħruf bħala l‑Auberge de Bavière, inbena fl‑1696 mill‑kavallier Portugiż Gaspare Carnerio. Il‑palazz kien iddisinjat minn Carlo Gimach. Palazzo Carnerio nxtara għall‑użu tal‑Langue Anglo‑Bavarjana, li ġiet imwaqqfa fl‑1782 fi żmien il‑Gran Mastru De Rohan. Matul l‑Ewwel Gwerra Dinjija, l‑Auberge de Bavière kienet ittrasformata fi sptar. Aktar tard intużat bħala skola, u llum tospita d‑Dipartiment tal‑Proprjetà tal‑Gvern.

Il‑munita tad‑deheb għandha valur nominali ta' €15, filwaqt li l‑munita tal‑fidda għandha valur nominali ta' €10. Il‑faċċata ta' quddiem tal‑muniti turi l‑emblema ta' Malta flimkien mas‑sena tal‑ħruġ, filwaqt li fuq in‑naħa ta' wara tal‑muniti tidher il‑faċċata tal‑Auberge de Bavière.

Il‑munita ta' €15, li l‑istampar tagħha hu limitat għal 1,000 munita, hi maħduma f'0.999 deheb, tiżen 1.25 grammi u għandha dijametru ta' 14‑il millimetru. Il‑munita tal‑€10 hi maħduma f'0.925 fidda, tiżen 18.75 grammi, għandha dijametru ta' 33 millimetru, u l‑istampar tagħha hu limitat għal 2,500 munita. Il‑muniti, li ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, kienu maħduma f'verżjoni proof fir‑Royal Belgian Mint.

Il‑muniti jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, jew billi timtela formola li tinstab fuq is‑sit tal‑Bank.

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq +356 2550 6006/7/8. 

Auberge De Bavière silver coin          Auberge De Bavière gold coin

 

Lura lejn l-Arkivju