News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2015

04/11/2015

Joseph Calleja jniedi l-programm ta' Malta għall-Jiem Kulturali Ewropej tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2015 fi Frankfurt

Il‑programm, li ser jittella' fuq numru ta' ġimgħat, ġie mniedi fit‑3 ta' Novembru permezz ta' kunċert spettakolari tal‑ftuħ bis‑sehem ukoll tal‑Orkestra Filarmonika ta' Malta.

L‑ambjent kulturali ta' Malta tqiegħed fl‑attenzjoni internazzjonali l‑lejl li għadda hekk kif tnieda l‑programm tal‑Jiem Kulturali Ewropej għal din is‑sena, organizzat mill‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) flimkien mal‑Bank Ċentrali ta' Malta fi Frankfurt.

L‑udjenza tpaxxiet bil‑kunċert tal‑ftuħ mit‑tenur Malti Joseph Calleja u l‑Orkestra Filarmonika ta' Malta, taħt id‑direzzjoni tas‑Surmast Brian Schembri ġewwa l‑famuż Alte Oper Theatre fiċ-ċentru tal‑belt. Il‑kunċert immarka l‑bidu ta' programm ta' avvenimenti prestiġjużi li ser jittellgħu bejn dan ix‑xahar u Frar 2016.

Ospitati annwalment mill‑BĊE, il‑Jiem Kulturali Ewropej jagħmlu aċċenn fuq il‑firxa rikka u varjata tal‑kulturi billi kull sena jiffokaw fuq ix‑xena kulturali ta' pajjiż differenti tal‑UE. Malta ġiet magħżula għall‑2015, wara l‑Bulgarija fl‑2014, il‑Latvja fl‑2013 u Franza fl‑2012.

Bħal dejjem, il‑BĊE ħadem flimkien mal‑bank ċentrali nazzjonali tal‑pajjiż konċernat. Għalhekk, il‑Bank Ċentrali ta' Malta kien il‑katalista għall‑iżvilupp tal‑programm dinamiku li qed jiġi ppreżentat.

"Ix‑xhur li ġejjin se jkunu żmien eċċitanti għalina hekk kif nippromwovu lil Malta bħala ċ‑ċentru tal‑arti fil‑Mediterran," jgħid il-Professur Josef Bonnici, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta. "Skont il‑motto tal‑Jiem Kulturali Ewropej ta' din is‑sena - Vibrant Malta - ninsabu ħerqana sabiex nippreżentaw kalendarju mimli ħajja ta' avvenimenti fi Frankfurt matul il‑ġimgħat u x‑xhur li ġejjin. Huwa programm li jirrifletti wkoll l‑impetu kulturali pprovdut mill‑għażla tal‑Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea tal‑Kultura għall‑2018."

Il‑kalendarju ser jinkludi varjetà ta' avvenimenti li jesponu t‑talent Malti għal udjenza Ewropea. Ser ikun hemm numri ta' avvenimenti mużikali li ser jinkludu dawk tas‑soprani Lydia Caruana, Claire Ghigo u Gillian Zammit, il‑vjolinista Carmine Lauri, is‑sound artist Renzo Spiteri, kunċerti mill‑Cosmos Wind Ensemble, il‑Big Band Brothers u d‑Dominic Galea Jazztet, kif ukoll party mid‑DJ Miss Roberta.

Lil hinn minn dan, il‑programm jinkludi wkoll wirjiet artistiċi oħrajn, inklużi l‑kumpanija nazzjonali ta' żfin kontemporanju ŻfinMalta, wirjiet mill‑fotografu Daniel Cilia u l‑iskultur Joe Xuereb, dramm taħt id‑direzzjoni ta' Albert Marshall, kif ukoll diskorsi mill‑istudjużi tal‑istorja l‑Professur Anthony Bonanno, il‑Professur Keith Sciberras u l‑Professur Denis de Lucca.

Issa li l‑programm ġie mniedi, il‑Professur Josef Bonnici stqarr li jittama li kull wieħed mill‑elementi artistiċi li ser jiġu ppreżentati ser jgħin liċ‑ċittadini ta' Frankfurt u lin‑numru kbir ta' viżitaturi internazzjonali li jżuru din il‑belt sabiex jitgħallmu aktar dwar x'għandhom x'joffru l‑gżejjer tagħna, u forsi wkoll iżuruna fil‑futur qarib. "Jista' jkun li aħna l‑iżgħar pajjiż fl‑Unjoni, iżda għandna nkunu kburin bit‑teżori kulturali infiniti li għandna x'nesponu, u għandna nagħmlu minn kollox sabiex nippromwovu dawn it‑teżori lill‑udjenza globali. Dan hu eżattament dak li ser jinkiseb permezz tal‑Jiem Kulturali Ewropej ta' din is‑sena," jikkonkludi l‑Professur Bonnici.

Joseph Calleja launches Malta’s programme for European Central Bank’s European Cultural Days 2015 in Frankfurt

Lura lejn l-Arkivju