News

News - Stqarrijiet tal-BĊE/ESRB/EBA 2023

18/10/2023 15:30:00

L-Eurosistema tipproċedi għall-fażi li jmiss tal-proġett tal-euro diġitali

  • Il-Kunsill governattiv jibda l-fażi ta' tħejjija tal-euro diġitali wara l-konklużjoni ta' fażi ta' investigazzjoni ta' sentejn dwar id-disinn u d-distribuzzjoni ta' euro diġitali
  • Il-fażi ta' tħejjija ser tistabbilixxi l-pedamenti għall-eventwalità ta' euro diġitali, b'ħidma li tinkludi l-finalizzazzjoni tar-regoli u l-għażla tal-fornituri biex jiżviluppaw pjattaforma u infrastruttura
  • Il-fażi ta' tħejjija ser twitti t-triq għall-possibbiltà ta' deċiżjoni fil-futur dwar il-ħruġ ta' euro diġitali

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum iddeċieda li jgħaddi għall-fażi li jmiss tal-proġett tal-euro diġitali: il-fażi ta' preparazzjoni.

Din id-deċiżjoni ssegwi t-tlestija tal-fażi ta' investigazzjoni mnedija mill-Eurosistema f'Ottubru 2021 sabiex tesplora mudelli possibbli ta' disinn u distribuzzjoni għal euro diġitali. Abbażi tar-riżultati miksuba minn din il-fażi, hekk kif spjegati fid-dettall f'rapport ippubblikat illum, il-BĊE fassal euro diġitali li jkun aċċessibbli b'mod wiesa' għaċ-ċittadini u n-negozji permezz ta' distribuzzjoni minn intermedjarji li huma regolati b'supervizjoni, bħall-banek.

Id-disinn tal-euro diġitali jieħu sura ta' flus kontanti diġitali li tkun tista' tintuża għall-forom kollha ta' pagamenti diġitali fiż-żona kollha tal-euro. L-euro diġitali għandu jkun aċċessibbli b'mod wiesa', bla ħlas għall-użu bażiku u disponibbli kemm online kif ukoll offline. Dan joffri l-ogħla livell ta' privatezza u jippermetti lil dawk li jużawh jagħmlu ħlas b'mod instantanju fi flus tal-bank ċentrali. Ikun jista' jintuża minn persuna għal oħra, fil-post fejn isir il-bejgħ, fil-kummerċ elettroniku u fit-tranżazzjonijiet mal-gvern. Minħabba li l-ebda strument ta' pagament diġitali ma joffri dawn il-karatteristiċi kollha, l-euro diġitali jimla dan il-vojt.

Il-fażi li jmiss tal-proġett tal-euro diġitali - il-fażi ta' tħejjija - ser tibda fl-1 ta' Novembru 2023 u hu maħsub li ser tieħu sentejn. Dan ser jinvolvi l-finalizzazzjoni tar-regoli li bih jopera u l-għażla ta' fornituri li jistgħu jiżviluppaw pjattaforma u infrastruttura diġitali tal-euro. Dan ser jinkludi wkoll l-ittestjar u l-esperimentazzjoni biex jiġi żviluppat euro diġitali li jissodisfa kemm ir-rekwiżiti tal-Eurosistema kif ukoll il-ħtiġijiet tal-utenti, bħall-esperjenza tal-utent fis-sistema ta' pagamenti, il-privatezza, l-inklużjoni finanzjarja u l-impronta ambjentali. Il-BĊE ser ikompli jimpenja ruħu mal-pubbliku u mal-partijiet interessati kollha matul din il-fażi. Wara sentejn, il-Kunsill Governattiv ser jiddeċiedi jekk għandux jgħaddi għall-istadju li jmiss tat-tħejjijiet, dik sabiex iwitti t-triq għall-possibbiltà ta' ħruġ u l-introduzzjoni fil-futur tal-euro diġitali.

It-tnedija tal-fażi ta' tħejjija mhix deċiżjoni dwar jekk għandux jinħareġ euro diġitali jew le. Dik id-deċiżjoni tiġi kkunsidrata biss mill-Kunsill Governattiv ladarba jitlesta l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea. Il-BĊE ser iqis kwalunkwe aġġustament għad-disinn tal-euro diġitali li jista' jkun meħtieġ minħabba żviluppi leġiżlattivi.

"Jeħtieġ li nħejju l-munita tagħna għall-futur", qalet Christine Lagarde, il-President tal-BĊE. "Aħna nbassru euro diġitali bħala forma diġitali ta' flus kontanti li tista' tintuża għall-pagamenti diġitali kollha, mingħajr ħlas, u li tissodisfa l-ogħla standards ta' privatezza. L-euro diġitali jikkumplimenta mhux jieħu post il-flus kontanti (fil-forma ta' karti u muniti) li dejjem ser jibqgħu disponibbli, sabiex ħadd ma jitħalla jaqa' lura."

Il-protezzjoni tad-data ser tkun prijorità għall-euro digitali. L-Eurosistema mhux ser ikollha l-ebda aċċess kemm għall-informazzjoni personali tal-utenti kif ukoll id-dettalji dwar tranżazzjonijiet ma' individwi. L-euro diġitali ser ikollu l-istess livell ta' privatezza bħal m'għandhom il-flus kontanti fil-pagamenti li jsiru offline.

L-euro diġitali jippromwovi r-reżiljenza, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fis-settur tal-pagamenti Ewropew. Dan jiżgura li jkun hemm soluzzjoni ta' pagament pan-Ewropea għaż-żona tal-euro u taħt il-governanza Ewropea. Din tkun tiddependi fuq l-infrastruttura tagħha stess, u b'hekk issaħħaħ ir-reżiljenza. Tipprovdi wkoll pjattaforma li fuqha l-intermedjarji taħt superviżjoni Ewropej ikunu jistgħu jibnu servizzi pan-Ewropej għall-klijenti tagħhom, iżidu l-effiċjenza, inaqqsu l-ispejjeż u jrawmu l-innovazzjoni.

"Peress li n-nies qed jagħżlu dejjem aktar li jħallsu b'mod diġitali, għandna nkunu lesti li noħorġu euro diġitali flimkien mal-flus kontanti", qal Fabio Panetta, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u President tat-Task Force ta' Livell Għoli dwar euro diġitali. "Euro diġitali jżid l-effiċjenza tal-pagamenti Ewropej u jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa."

Distribuzzjoni diġitali tal-euro

L-utenti jistgħu jagħżlu li jaċċessaw is-servizzi diġitali tal-euro permezz tal-app u l-interface online tal-intermedjarju tal-għażla tagħhom, jew permezz ta' app diġitali tal-euro pprovduta mill-Eurosistema. Persuni mingħajr aċċess għal kont bankarju jew apparat diġitali jkunu jistgħu jħallsu wkoll bl-euro diġitali, billi jużaw kard ipprovduta minn aġenzija pubblika bħall-uffiċċju postali. L-utenti jkunu jistgħu wkoll jibdlu l-euro diġitali għall-flus kontanti jew viċi versa fil-magni tal-flus kontanti.

L-Eurosistema qed tħejji euro diġitali li jkun bla ħlas għall-użu bażiku għall-individwi. Mudell ta' kumpens bejn l-intermedjarji u n-negozjanti jiżgura li jkun hemm inċentivi għall-intermedjarji biex iqassmu l-euro diġitali flimkien ma' mezzi oħra ta' pagament elettroniku, u li jkun hemm salvagwardji adegwati kontra ħlasijiet eċċessivi ta' servizzi għan-negozjanti. Ser tkun l-Eurosistema li tħallas għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mat-tħaddim tal-iskemi u l-ipproċessar tas-saldu.

It-trasparenza u l-kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati jibqgħu pilastri ewlenin tal-proġett. l-Eurosistema bbenefikat ħafna mir-reazzjonijiet ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa, il-parteċipanti fis-suq u dawk li potenzjalment jistgħu jkunu utenti. L-Eurosistema ser tkompli timpenja ruħha b'mod attiv ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati u ser tkompli taħdem mill-qrib mal-leġiżlaturi tal-UE.

Lura lejn l-Arkivju