News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
27/11/2026 09:30:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta joħroġ l-Aġġornament Ekonomiku għal Novembru
L-attività kummerċjali baqgħet kemxejn taħt il-medja storika
L-aħħar indikaturi jipprovdu evalwazzjoni mħallta iżda ġeneralment reżiljenti tal-attività ekonomika. L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Ottubru, il-kundizzjonijiet tan-negozju baqgħu l-istess bħal ta' Settembru u baqgħu wkoll taħt il-medja storika. Kontra dan, il-produzzjoni industrijali u l-kummerċ bl-imnut aċċelleraw f'Settembru, filwaqt li l-produzzjoni tas-servizzi kibret b'ritmu aktar mgħaġġel f'Awwissu. Sadattant, it-tkabbir fin-nefqa tat-turisti batta f'Settembru.
Is-sentiment tal-konsumaturi batta iżda baqa' b'saħħtu minn perspettiva storika.
Wara li mmoderaw xi ftit matul dawn l-aħħar ftit xhur, f'Ottubru, il-permessi approvati għall-bini kummerċjali u l-aktar dawk residenzjali kienu f'livell ogħla mix-xahar ta' qabel. Għalkemm dawn it-tnejn kienu aktar baxxi meta mqabbla ma' sena qabel, fil-każ tal-permessi residenzjali, il-livell kien fost l-ogħla mill-2022. Rigward id-domanda, il-kuntratti ta' bejgħ u l-konvenji residenzjali ffirmati f'Ottubru kienu ogħla meta mqabbla max-xahar ta' qabel. Meta mqabbla mas-sena ta' qabel, il-kuntratti ta' bejgħ residenzjali kienu f'livell aktar baxx, filwaqt li l-konvenji kienu f'livell ogħla.
F'Settembru, ir-rata tal-qgħad naqset bi ftit meta mqabbla ma' Awwissu u kienet fil-livell ta' 3.4%. L-aspettattivi tal-familji dwar il-qgħad żdiedu f'Ottubru. Għalkemm dan l-indiċi kien ħafna volatili f'dawn l-aħħar xhur, hu jindika aspettattivi ta' qgħad iktar għoljin fix-xhur li ġejjin.
Ir-rata tal-inflazzjoni ta' Malta mkejla skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) naqset bi ftit f'Ottubru, għal 2.3% minn 2.4% f'Settembru. L-inflazzjoni baqgħet taħt dik fiż-żona tal-euro minħabba li l-prezzijiet tal-enerġija f'Malta baqgħu l-istess. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l-inflazzjoni f'Ottubru naqset għal 2.4% minn 2.9% xahar qabel.
F'Settembru, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit ikbar meta mqabbel ma' sena qabel, u dan jirrifletti żieda fl-infiq tal-gvern u tnaqqis fid-dħul.
Fis-sena sa Settembru, ir-rata annwali tal-bidla tad-depożiti tar-residenti Maltin naqset waqt li dik tal-kreditu lir-residenti baqgħet l-istess.
L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju