News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

19/11/2026 14:51:00

Il-Bank Ċentrali ta' Malta jorganizza l-Forum għall-Istatistika

Fit-18 ta' Novembru 2026, il-Bank Ċentrali ta' Malta organizza l-Forum għall-Istatistika f'Binja Laparelli. Il-Forum ilaqqa' flimkien rappreżentanti mill-Bank u mill-industrija bankarja biex isaħħu l-kollaborazzjoni, jiffaċilitaw id-djalogu u jiskambjaw informazzjoni dwar l-iżviluppi fir-rapportar statutorju regolatorju u statistiku. Il-Forum kien ippresedut mis-Sur Alan Cassar, Uffiċjal Kap għall-Istabbiltà Finanzjarja u l-Istatistika, li laqa' lill-parteċipanti u introduċa l-aġenda, filwaqt li enfasizza l-importanza ta' impenn kontinwu bejn il-Bank u l-istituzzjonijiet ta' rapportar. Il-preżentazzjonijiet kollha waqt il-Forum ingħataw minn uffiċjali mid-Dipartiment għall-Istatistika tal-Bank.

L-ewwel preżentazzjoni, ippreżentata mis-Sinjura Lara Cilia, iffokat dwar l-aħħar żviluppi u t-triq 'il quddiem għall-programm tas-Sistema Ewropea tal-Qafas Integrat ta' Rapportar (IReF) tal-Bank Ċentrali.

Din kienet segwita minn preżentazzjoni mis-Sinjura Nicolette Cassar dwar l-aħħar żviluppi li jikkonċernaw ir-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu (CCR) tal-Bank, inkluża l-implimentazzjoni tal-proġett tal-verżjoni 2 tas-CCR, l-inizjattivi ppjanati, u l-konsultazzjoni pubblika li għaddejja dwar it-titjib fir-Reġistru.

Il-preżentazzjoni finali ġiet ippreżentata mis-Sinjura Sarah Axiaq, li ħabbret it-tnedija tad-Dashboard tal-Bank dwar il-Proprjetà, li jinsab disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Bank . Il-preżentazzjoni ddeskriviet ukoll titjib ippjanat f'dan il-qsim ta statistika dwar il-proprjetà.

Il-Forum afferma mill-ġdid l-impenn tal-Bank Ċentrali ta' Malta li jżomm djalogu miftuħ u kostruttiv mal-industrija bankarja. Permezz ta' impenn regolari, il-Bank għandu l-għan li jappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti ta' rapportar statistiku, jippromwovi l-kwalità tad-data, u jtejjeb id-disponibbiltà u l-użu ta' statistika wkoll għall-użu mill-industrija bankarja nnifisha.

Ritratt tal-Grupp

Lura lejn l-Arkivju