News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
29/10/2026 11:18:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta joħroġ l-Aġġornament Ekonomiku għal Ottubru
It-tkabbir fl-attività ekonomika kemxejn taħt il-medja storika
L-aħħar indikaturi jagħtu stampa mħallta tal-attività ekonomika f'Malta. L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li l-kundizzjonijiet tan-negozju huma taħt il-medja storika. Il-produzzjoni industrijali aċċellerat ftit f'Awwissu filwaqt li l-kummerċ bl-imnut naqas f'termini annwali. Ir-rata annwali tat-tkabbir fil-produzzjoni tas-servizzi kienet marġinali f'Lulju. L-andament fis-settur tat-turiżmu baqa' b'saħħtu f'Awwissu.
Is-sentiment tal-konsumatur kompla jissaħħaħ f'Settembru, sostnut mill-aspettattivi tal-familji li ser iwettqu nefqiet kbar matul it-tnax-il xahar li ġejjin.
Wara perjodu ta' attività b'saħħitha, b'mod partikolari min-naħa tal-provvista, is-suq tal-proprjetà mmodera matul dawn l-aħħar ftit xhur. Il-permessi approvati għall-bini kummerċjali kienu ogħla mix-xahar ta' qabel, filwaqt li l-permessi residenzjali naqsu. It-tnejn kienu aktar baxxi meta mqabbla ma' sena qabel. Min-naħa tad-domanda, il-kuntratti residenzjali ta' bejgħ u konvenji ffirmati f'Settembru kienu inqas minn dawk tax-xahar preċedenti, kif ukoll minn dawk irreġistrati sena qabel.
F'Awwissu, ir-rata tal-qgħad baqgħet 3.4%, bħal dik ta' Lulju. L-aspettattivi tal-familji dwar il-qgħad naqsu f'Settembru, u dan jindika aspettattivi ta' qgħad aktar baxx fix-xhur li ġejjin.
Ir-rata tal-inflazzjoni ta' Malta mkejla permezz tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) żdiedet għal 2.4% f'Settembru, minn 2.0% f'Awwissu. Madankollu, l-inflazzjoni f'Malta baqgħet taħt dik fiż-żona tal-euro minħabba li l-prezzijiet tal-enerġija f'Malta baqgħu l-istess. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l-inflazzjoni f'Settembru telgħet għal 2.9%.
F'Awwissu, il-Fond Konsolidat irrapporta surplus iżgħar meta mqabbel ma' sena qabel, minħabba żieda aktar b'saħħitha fin-nefqa tal-gvern meta mqabbla mad-dħul.
F'Awwissu, it-tkabbir annwali fid-depożiti tar-residenti kif ukoll fil-kreditu batta meta mqabbel ma' Lulju.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju