News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
05/10/2026 12:52:00
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jipparteċipa fil-Konferenza tal-Banek Ċentrali Mediterranji f’Tarragona
Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, is‑Sur Alexander Demarco, ipparteċipa fl-għaxar Konferenza Annwali tal-Banek Ċentrali Mediterranji li saret f'Tarragona, Spanja, bejn l‑1 u t‑2 ta' Ottubru 2026.
Il-konferenza, bit-titlu "Digital Currencies, Payments and Reserve Management Implications for the Mediterranean Central Banks", laqqgħet flimkien gvernaturi, uffiċjali għolja u esperti minn banek ċentrali u istituzzjonijiet internazzjonali madwar ir-reġjun tal-Mediterran sabiex jiddiskutu żviluppi u sfidi emerġenti fix-xenarju finanzjarju u monetarju.
Matul il-konferenza, il-Gvernatur Demarco pparteċipa bħala membru tal-panel fis-sessjoni "Improving Cross-Border Payments in a Changing Geopolitical Landscape". Id-diskussjoni ffukat fuq l-ekosistema tal-pagamenti li qed tevolvi, l-opportunitajiet biex tissaħħaħ l-effiċjenza tat-tranżazzjonijiet transkonfinali u l-implikazzjonijiet tal-iżviluppi ġeopolitiċi fuq is-sistemi ta' pagament internazzjonali.

Ritratt: Banco de España
Il-konferenza kienet organizzata b'mod konġunt mill-Banco de España, l-Istitut Ewropew tal-Mediterran (IEMed), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Unjoni għall-Mediterran. L-avveniment ippromwova d-djalogu, il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien fost il-banek ċentrali tal-Mediterran dwar materji ta' interess reċiproku u ta' importanza strateġika.
Il-parteċipazzjoni tal-Gvernatur Demarco enfasizzat l-importanza tat-tisħiħ tal-infrastrutturi nazzjonali tal-pagamenti li jiddependu fuq il-flus tal-bank ċentrali għall-ħlas u l-istandards komuni tal-messaġġi internazzjonali, mibnija fuq regolamentazzjoni b'saħħitha, kompetizzjoni effettiva, trasparenza fit-tariffi u sigurtà għolja għall-prevenzjoni tal-frodi u l-privatezza. Enfasizza li l-ġuriżdizzjonijiet jistgħu mbagħad jingħaqdu ma' oħrajn permezz ta' arranġamenti bilaterali u multilaterali sabiex il-pagamenti bejn pajjiż u ieħor isiru aktar malajr, orħos u aktar trasparenti, filwaqt li jissalvagwardjaw is-sovranità tagħhom.
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' impenjat għal kooperazzjoni internazzjonali u l-impenn attiv dwar materji ewlenin li jsawru l‑futur tal‑banek ċentrali, is‑sistemi finanzjarji u l‑infrastrutturi tal‑pagamenti fir‑reġjun tal‑Mediterran.
Lura lejn l-Arkivju