News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
11/09/2026 08:30:00
Żjara edukattiva mill‑Assoċjazzjoni Maltija tal-Azzjonisti Minoritarji u tal‑Investituri bl-Imnut fil‑Bank Ċentrali ta’ Malta
Membri tal‑Assoċjazzjoni Maltija tal-Azzjonisti Minoritarji u tal-Investituri bl-Imnut (MASS) kellhom żjara edukattiva fil‑Bank Ċentrali ta’ Malta li tathom l-opportunità jifhmu aħjar l‑istorja tal-Bank, l‑operat tiegħu u l‑irwol tiegħu fl‑ekonomija Maltija.
Iż‑żjara bdiet bi żjara fil-Mużew tal‑Flus tal‑Bank, immexxija mil-kuratur, is‑Sur Kevin Cassar. Hawn il-parteċipanti kellhom l-opportunità jsiru jafu aktar dwar il-wirt monetarju rikk ta’ Malta u l-evoluzzjoni tal-flus matul is-snin.
Wara, il‑parteċipanti marru f’Binja Laparelli fejn attendew għal preżentazzjoni dwar l‑irwol, il‑funzjonijiet u r‑responsabbiltajiet tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta. Il-preżentazzjoni ngħatat mis-Sur Silvio Galea, Kap tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali u l-Komunikazzjoni, u ġiet segwita minn sessjoni interattiva ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.

Din iż-żjara kienet parti mill-impenn kontinwu tal-Bank għall-promozzjoni tal-litteriżmu finanzjarju, l-involviment pubbliku u għarfien akbar dwar il-ħidma tiegħu. Permezz ta’ hekk, il-Bank għandu l-għan li jipprovdi lill-partijiet interessati għarfien siewi dwar ir-responsabbiltajiet tiegħu u l-kontribut tiegħu lejn sistema finanzjarja stabbli u effettiva f’Malta.

Ritratti: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta Malta
Lura lejn l-Arkivju