News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

03/08/2026 08:50:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r‑Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur dwar l‑iżviluppi ekonomiċi fl-ewwel kwart tal-2026

Matul l-ewwel kwart tal‑2026, it‑tkabbir fil‑Prodott Domestiku Gross (PDG) reali mmodera meta mqabbel mal-kwart ta' qabel, għalkemm baqa' b'saħħtu. Barra minn hekk, l-espansjoni ekonomika kienet aktar b'saħħitha minn dik fiż-żona tal-euro. It-tkabbir kien primarjament dovut għad-domanda domestika, anke meta wieħed jaġġusta għall-impatt tal-importazzjoni.

Hekk kif iż-żieda fil-livell tal-produzzjoni potenzjali meta mqabbla mal-kwart ta' qabel qabżet dik fil-PDG, is-surplus fil-produzzjoni naqas.

L‑Indiċi tal‑Bank dwar il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju żdied marġinalment mill-kwart ta' qabel, u kkonferma sinjali preċedenti li l‑attività ekonomika qed tikber b'ritmu ogħla mill‑medja storika.

Matul l-ewwel kwart tal-2026, is‑suq tax‑xogħol baqa' b'saħħtu, b'żidiet fil-parteċipazzjoni. Barra minn hekk, skont l-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol, it-tkabbir fl-impjiegi f'Malta baqa' aktar b'saħħtu minn dak fiż-żona tal-euro. Għalkemm ir-rata tal-qgħad telgħet bi ftit, baqgħet ferm iżjed baxxa minn dik fiż-żona tal-euro. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol baqgħu stretti. Għalkemm ir-rata ta' postijiet tax-xogħol vakanti niżlet ftit meta mqabbla mal-kwart ta' qabel, din baqgħet għolja meta mqabbla ma' snin passati. 

L-inflazzjoni għall-konsumatur immoderat matul l-ewwel kwart tal-2026. Ir-rata tal‑inflazzjoni mkejla skont l-Indici Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsumatur battiet għal 2.3% f'Marzu 2026 minn 2.5% f'Diċembru 2025, filwaqt li l‑inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal‑enerġija u l‑ikel, żdiedet bi ftit għal 2.4%. Għalkemm l-inflazzjoni ewlenija skont l-HICP baqgħet taħt il-medja taż-żona tal-euro, l-inflazzjoni li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kienet f'livell ogħla minn dik taż-żona tal-euro.

Fl-ewwel kwart tal-2026, il-gvern ġenerali rreġistra defiċit ikbar meta mqabbel mal-istess perjodu sena qabel. B'mod kumulattiv fuq erba' trimestri, il‑proporzjon tad‑defiċit fil‑PDG żdied mir‑raba' kwart tal‑2025 u baqa' ġeneralment konformi mal‑medja taż‑żona tal‑euro. Sadattant, il-proporzjon tad-dejn fil-PDG naqas mill-kwart ta' qabel u baqa' ferm taħt il-medja taż-żona tal-euro.

Matul l-ewwel kwart tal-2026, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) żamm ir-rati ewlenin tiegħu tal-imgħax kif kienu. Madankollu f'Ġunju, il-Kunsill Governattiv għolla r-rati ewlenin tal-imgħax b'25 punt bażi biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tagħha ta' 2% fuq żmien medju. Il-Kunsill Governattiv tenna li b'din id-deċiżjoni baqa' f'pożizzjoni tajba sabiex jiffaċċja l-inċertezza kkawżata mill-gwerra fil-Lvant Nofsani.

It-tielet ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2026 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta.

Għal indikaturi aktar riċenti kkonsulta l-Aġġornament Ekonomiku.

Lura lejn l-Arkivju