News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
23/04/2026 08:44:00
Muniti Kommemorattivi tal-Belt Valletta
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ħareġ munita kommemorattiva taż-€2 u munita tal‑fidda, it‑tnejn li huma bit-tema tal-Belt Valletta.

Il‑muniti ġew imnedija fis-17 ta' April 2026 waqt ċerimonja li saret fiċ-Ċentru għall-Interpretazzjoni tal-Fortifikazzjonijiet fil-Belt Valletta. Għal din l‑attività attendew is‑Sindku tal‑Kunsill Lokali tal‑Belt Valletta, is‑Sur Olaf McKay, id‑Deputat Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta responsabbli għall‑Istabbiltà Finanzjarja, is‑Sur Oliver Bonello, u l‑Uffiċjal Kap tal‑Bank responsabbli għall‑operat bankarju, is‑Sur Benoit Waelkens.

Mix-Xellug: Is-Sinjura Elaine Lenzo, is-Sur Benoit Waelkens, is-Sindku tal-Belt is-Sur Olaf McKay,
id-Deputat Gvernatur is-Sur Oliver Bonello, is-Sur Damien Ferrito u s-Sinjura Josette Mamo
Il-munita kommemorattiva taż-€2 hija t-tielet waħda minn serje ta' muniti bit-tema tal-ibliet iffortifikati Maltin. Dawn il‑muniti huma ta' kwalità Brilliant Uncirculated u huma ppreżentati f'coin cards, rollijiet, u parti mis‑sett datat għall-2026 tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, li jinkludi wkoll it‑tmien denominazzjonijiet tal‑muniti tal‑euro ta' Malta. Barra minn hekk, numru limitat ta' muniti kommemorattivi taż-€2 nħadmu f'verżjoni proof.
Il-munita tal-fidda li għandha valur nominali ta' €10, hi maħduma f'0.999 fidda, tiżen 31.10 grammi, b'dijametru ta' 38.61 mm u maħduma f'verżjoni proof. Fuq in‑naħa ta' wara tal‑munita hemm veduta tal‑Belt Valletta. Fuq-naħa ta' quddiem tidher l-istemma araldika tar-Repubblika ta' Malta flimkien mas-sena tal-ħruġ. Din il‑munita hi limitata għal erba' mitt biċċa.
Il‑munita tal‑fidda u n‑naħa nazzjonali tal‑muniti kommemorattivi taż‑€2 ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason. Iż-żewġ muniti kienu maħduma fir-Royal Dutch Mint.
Il-Belt Valletta nbniet mill-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann wara l-Assedju l-Kbir tal-1565. Imsemmija għall-Gran Mastru Jean de Valette li poġġa l-ewwel ġebla tagħha fit-28 ta' Marzu 1566, il-Belt Valletta ilha għal aktar minn erba' sekli bħala ċ-ċentru amministrattiv u l-belt kapitali ta' Malta. F'żona kompatta, il-Belt Valletta tħaddan konċentrazzjoni straordinarja ta' arkitettura militari, reliġjuża, politika u ċivika, flimkien ma' patrimonju kbir ta' wirt artistiku u kulturali. Fl-1980, il-Belt Valletta ġiet inkluża fil-lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.
Lura lejn l-Arkivju