News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

03/03/2026 10:24:00

Munita tal-fidda fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-Awtorià Maltija tad-Djar

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, b'kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija tad-Djar, nieda munita tal‑fidda kommemorattiva fl‑okkażjoni tal‑50 anniversarju mit-twaqqif tal-Awtorità Maltija tad‑Djar fl-1976.

It-tnedija tal-munita saret fit‑2 ta' Marzu 2026 fis‑Soċjetà Maltija għall‑Arti, il-Belt Valletta, u għaliha attendew is‑Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l‑Akkomodazzjoni, Dr Andy Ellul, l‑Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal‑Awtorità tad‑Djar, is‑Sur Matthew Zerafa, id‑Deputat Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta responsabbli għall‑politika monetarja, is‑Sinjura Rita Schembri, u l‑Uffiċjal Kap tal‑Bank responsabbli għall‑operat bankarju, is‑Sur Benoit Waelkens.

Ritratt tal-Grupp

Id-Deputat Gvernatur is-Sinjura Rita Schembri, u s-Segretarju Parlamentari Dr Andy Ellul flimkien ma'
uffiċjali mill-Bank Ċentrali ta' Malta u l-Awtorità Maltija tad-Djar
 

Il‑munita, li għandha valur nominali ta' €10, kienet maħduma mir‑Royal Dutch Mint. Hi maħduma f'0.999 fidda, tiżen 31.10 grammi u b'dijametru ta' 38.61 millimetri. L-istampar tal-munita hu limitat għal 300 biċċa. Fuq in-naħa ta' quddiem tal-munita tidher l-istemma araldika tar-Repubblika ta' Malta flimkien mas-sena tal-ħruġ. Fuq in-naħa ta' wara hemm xbieha tal-ħabbata tradizzjonali Maltija, simbolu li jintuża fil-wirt arkitettoniku u kulturali Malti. In-naħa ta' wara tal‑munita tirrifletti disinn maħluq mill‑Awtorità Maltija tad‑Djar. 

Munita tal-Awtorità Maltija tad-Djar

Ritratti: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta

It-Tieni Gwerra Dinjija kienet katalista ewlenija għall-programmi ta' akkomodazzjoni soċjali f'Malta. Wara l-gwerra, eluf ta' nies sabu ruħhom bla dar u jgħixu fil-miżerja. It-tkabbir tal-popolazzjoni wara l-gwerra kompla jżid il-pressjoni fuq in-nuqqas tad-djar. Fl-1955, il-gvern ikkummissjona lil Anthony G. Atkinson, Konsulent tad-Djar għall-Uffiċċju Kolonjali, sabiex jirrapporta dwar il-kundizzjonijiet tad-djar. Waħda mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu kienet it-twaqqif ta' awtorità tad-djar. Dan seħħ fl-1976 meta l-Awtorità tad-Djar twaqqfet permezz ta' Att tal-Parlament bl-għan li tippromwovi u tiffinanzja l-iżvilupp tal-akkomodazzjoni, tamministra l-proprjetajiet, tinkoraġġixxi lin-nies biex jixtru d-djar tagħhom, u ttejjeb il-kundizzjonijiet tad-djar f'Malta.

L-irwol tal-Awtorità evolva matul is-snin. Minbarra l-allokazzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali, illum l-Awtorità tħaddem għadd ta' skemi mmirati biex jippromwovu l-aċċess għall-akkomodazzjoni, iżżomm l-istokk tal-akkomodazzjoni soċjali ta' Malta u tirregola s-suq tal-kiri residenzjali privat. Billi tiffaċilita l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u stabbli, l-Awtorità tappoġġa l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol u tippromwovi l-istabbiltà ekonomika ġenerali u t-tkabbir.

Lura lejn l-Arkivju