News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
02/02/2026 11:33:00
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r‑Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur dwar l‑iżviluppi ekonomiċi fit-tielet kwart tal-2025
Matul it‑tielet kwart tal‑2025, it-tkabbir fil-PDG reali kiber b'ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbel mal-kwart preċedenti. It-tkabbir kien xprunat kważi bl-istess proporzjon kemm mid-domanda domestika u l-esportazzjoni netta. Ir-ritmu ta' tkabbir kien aktar mid-doppju tal-medja għaż-żona tal-euro.
Skont l‑istimi tal‑Bank, il‑produzzjoni potenzjali kibret b'rata kemxejn aktar bil-mod meta mqabbla mat‑tieni kwart. Id‑differenza pożittiva bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali ċkienet.
L‑Indiċi tal‑Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan‑Negozju baqa' relattivament fl‑istess livell fit‑tielet kwart. Dan jindika li r‑ritmu tal‑attività ekonomika baqa' ftit ogħla mill‑medja storika tiegħu. Sadattant, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea żdied u kien f'livell 'il fuq mill-medja storika tiegħu.
L‑Indiċi tal‑Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, l-indikatur li jissorvelja l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor l‑informazzjoni miġbura mill‑portals tal‑aħbarijiet Maltin, immarka l-ogħla rata mill-bidu tas-sena u baqa' għoli storikament. L-inċertezza kienet primarjament xprunata minn fatturi domestiċi, li huma relatati mal-akkwist ta' bank domestiku, għalkemm l-iżviluppi internazzjonali kkontribwew ukoll għal-livell għoli ta' inċertezza.
Matul it‑tielet kwart tal‑2025, is‑suq tax‑xogħol baqa' pożittiv fost żieda oħra fl-attività u rati ogħla ta' impjieg. Ir-rata tal-qgħad laħqet livell storikament baxx u baqgħet ferm inqas minn dik fiż-żona tal-euro. Sadattant, ir-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti żdiedet bi ftit, u l-indikatur tal-iskarsezza fis-suq tax-xogħol baqa' għoli. Skont l-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol, it-tkabbir fl-impjiegi f'Malta baqa' ogħla minn dak fiż-żona tal-euro.
L-inflazzjoni battiet ftit fit-tielet kwart tal-2025. L-inflazzjoni annwali mkejla skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 2.4% f'Settembru, tnaqqis minn 2.5% f'Ġunju, filwaqt li l-kejl tal-inflazzjoni li jeskludi l-enerġija u l-ikel kummerċjali naqas marġinalment għal 2.3%. Iż-żewġ miżuri tal-inflazzjoni kienu f'livell ogħla minn dawk irreġistrati fiż-żona tal-euro.
Fit-tielet kwart tal-2025, il-bilanċ tal-gvern ġenerali rreġistra surplus ogħla meta mqabbel ma' sena qabel. Madankollu, abbażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, il‑bilanċ tal‑gvern ġenerali rreġistra defiċit. Il‑proporzjon tad‑defiċit fil‑PDG naqas meta mqabbel mat‑tieni kwart tal‑2025 iżda baqa' f'livell ogħla minn dak fiż‑żona tal‑euro. Il‑proporzjon tad‑dejn kien aktar baxx minn dak irreġistrat fil-kwart ta' qabel u kien ħafna inqas mill‑medja korrispondenti taż‑żona tal‑euro.
Matul it-tieni nofs tal-2025, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) żamm ir-rati ewlenin tiegħu tal-imgħax kif kienu. Ikkonferma li kien lest li jaġġusta l-istrumenti tiegħu kollha fi ħdan il-mandat tiegħu sabiex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza ruħha fil-mira tiegħu ta' 2% fi żmien medju u sabiex jippreserva t-trażmissjoni tal-politika monetarja.
L-ewwel ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2026 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta.
Għal indikaturi aktar riċenti kkonsulta l-Aġġornament Ekonomiku.
Lura lejn l-Arkivju