News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

29/01/2026 08:30:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta joħroġ l‑Aġġornament Ekonomiku ta’ Jannar

Is‑sentiment ekonomiku laħaq l‑ogħla livell irreġistrat

L-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju tal-Bank jindika li f'Diċembru, ir-rata tat-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali żdiedet ftit mix-xahar ta' qabel u kienet kemxejn ogħla mill-medja storika. L‑Indiċi tal-Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, indikatur li jkejjel l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor informazzjoni minn portals tal‑aħbarijiet Maltin, tela' u kien f'livell ogħla mill-medja storika.

F'Diċembru, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea żdied mix-xahar ta' qabel u laħaq l-ogħla livell li qatt ġie rreġistrat. Sadattant, l-Indikatur tal-Aspettattivi dwar l-Impjiegi naqas, għalkemm baqa' ogħla mill-medja storika.

F'Novembru, il-produzzjoni industrijali naqset filwaqt li t-tkabbir annwali fil-kummerċ bl-imnut immodera. F'Ottubru, il-produzzjoni tas-servizzi żdiedet marġinalment. Dan seħħ wara sensiela ta' tnaqqis osservat minn Frar 2025.

Ir-rata tal-qgħad żdiedet marġinalment meta mqabbla max-xahar ta' qabel, iżda fil-livell ta' 3.1% baqgħet baxxa minn perspettiva storika.

F'Novembru, il-permessi għal bini residenzjali żdiedu fuq l-istess xahar sena ilu. F'Diċembru, in-numru ta' konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu fuq sena qabel.

F'Novembru, ir-rata annwali tat-tkabbir tad‑depożiti u dik tal‑kreditu tar‑residenti Maltin immoderaw meta mqabbla ma' Ottubru.

F'Diċembru, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 2.4%, tnaqqis minn 2.5% fix-xahar ta' qabel. L‑inflazzjoni - meta teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel - kienet fil-livell ta' 2.3%. Filwaqt li l-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP kienet ogħla minn dik fiż-żona tal-euro primarjament minħabba li l-inflazzjoni tal-enerġija fiż-żona tal-euro kienet negattiva, l-inflazzjoni li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel f'Malta kienet daqs dik taż-żona tal-euro. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l-inflazzjoni kienet fil-livell ta' 2.7% f'Diċembru, żieda minn 2.6% f'Novembru.

F'Novembru l-Fond Konsolidat irreġistra defiċit iżgħar meta mqabbel ma' dak irreġistrat sena qabel, minħabba żieda fid-dħul tal-gvern kif ukoll tnaqqis fl-infiq tiegħu.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju