News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026
20/01/2026 14:15:00
Deputat Gvernatur ġdid għall-Bank Ċentrali ta' Malta
Il‑President ta' Malta, fuq parir tal‑Kabinett tal‑Ministri, ħatar lis‑Sinjura Rita Schembri bħala Deputat Gvernatur għall-Politika Monetarja tal‑Bank Ċentrali ta' Malta għal perjodu ta' ħames snin, b'effett mill‑14 ta' Jannar 2026.
Sa mill-2018, is-Sinjura Schembri serviet bħala Kap tad-Dipartiment għall-Analiżi Ekonomika tal-Bank, responsabbli biex tmexxi l-analiżi tal-iżviluppi ekonomiċi f'Malta u fiż-żona tal-euro, ikkoordinat eżerċizzji ta' tbassir ekonomiku, inklużi dawk għall-finanzi pubbliċi, l-Istħarriġ dwar id-Djalogu man-Negozji, u sa reċentement responsabbli wkoll għall-Istħarriġ dwar il-Finanzi u l-Konsum tal-Familji. Preċedentement, mill-2011, kienet Maniġer fl-istess Dipartiment.

Għal bosta snin, is-Sinjura Schembri kienet waħda mir-rappreżentanti tal-Bank fil-Kumitat għall-Politika Monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew u, qabel dan, xi wħud mis-sottostrutturi tiegħu, b'mod partikolari dawk responsabbli għat-tbassir fiskali u makroekonomiku. Irrappreżentat lill‑Bank f'fora lokali, inklużi l‑Awtorità tal‑Istatistika ta' Malta u l‑Kunsill Konsultattiv għall‑Industrija tal‑Bini, u hija wkoll il‑membru alternattiv tal‑Bank fil‑Kunsill Malti għall‑Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.
Ingħaqdet mal-Bank fl-1999 bħala ekonomista fir-riċerka fl-Uffiċċju tal-Gvernatur, u aktar tard fl-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Esterni. F'din il-kariga, appoġġjat l-amministrazzjoni għolja tar-rappreżentanza ta' Malta fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, inkluż il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.
Is-Sinjura Schembri għandha grad ta' B.Com (Hons) fl-Ekonomija mill-Università ta' Malta u grad ta' Master of Science fl-Ekonomija Finanzjarja miċ-Ċentru għall-Istudji Finanzjarji u tal-Maniġment, bħala parti minn SOAS, l-Università ta' Londra, fir-Renju Unit.
Lura lejn l-Arkivju