News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2026

15/01/2026 12:29:00

Kjarifika dwar l-artiklu tal-Verifika tal-Fatti fuq il-portal tat-Times of Malta tal-15 ta' Jannar 2026

Qed issir referenza għal artiklu fuq il-portal tat-Times of Malta tal-Ħamis 15 ta' Jannar 2026 intitolat "Fact-Check: Do 90% of under-35s own their own homes?".

Skont dan l-artiklu, l-istqarrija li għamel il-Prim Ministru hija bbażata fuq artiklu miktub mis-Sur Alexander Demarco, li dak iż-żmien kien Deputat Gvernatur (issa Gvernatur), fil-media lokali lejn l-aħħar tal-2025. F'dak l‑artiklu s-Sur Demarco rrefera b'mod ċar għad‑data li hija bbażata fuq l‑Istħarriġ tal‑Bank Ċentrali dwar Finanzi u Konsum tal‑Familji (HFCS). Dan huwa rikonoxxut ukoll fl‑artiklu tat-Times of Malta kif imsemmi hawn fuq. L-HFCS huwa stħarriġ li jittratta esklussivament familji (inklużi familji ta' persuna waħda) u mhux persuni individwali, u għalhekk kwalunkwe referenza għar-riżultati ta' dan l-istudju tista' b'mod awtomatiku tirreferi biss għall-familji.

Għalhekk meta s-Sur Demarco, bħala dak iż-żmien Deputat Gvernatur, ikkwota r-riżultati mill-HFCS, kien ovvju li kien qed jirreferi għal familji f'dak il-grupp ta' età. L-inferenza li saret f'artiklu tat-Times of Malta li d-Deputat Gvernatur ta' dak iż-żmien kien qed jirreferi għal individwi hija kompletament interpretazzjoni żbaljata, fattwalment skorretta, u tiżgwida l-qarrejja tal-artiklu tat-Times of Malta.

L-artiklu kien ukoll żbaljat meta kkwota b'mod selettiv kelliem tal-Bank. Imbagħad implika wkoll li t-tweġiba tal-Bank kienet konfuża u sostna li l-HFCS tal-Bank ma jinkludix informazzjoni dwar persuni ta' taħt il-35 sena li jgħixu mal-ġenituri tagħhom jew ma' persuni oħrajn. L-individwi li għandhom inqas minn 35 sena fil-fatt jidhru fl-istħarriġ, u jiffurmaw parti minn familji oħra f'koorti ta' età ogħla minn 34 sena.

Id-data tal-HFCS turi li għall-familji Maltin ta' kull età kien hemm żidiet konsistenti fir-rata ta' sidien ta' djarhom minn stħarriġ bħal dan li beda fl-2010, b'dik għall-familji Maltin fil-grupp ta' età ta' bejn it-18 u l-34 sena, li żdiedet minn 78% fl-2010 għal 91% fl-2023. Il-proporzjon tal-familji Maltin li għandhom inqas minn 35 sena żdied ukoll minn 8.7% għal 12.2% matul dan il-perjodu.

Lura lejn l-Arkivju