News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

29/12/2025 09:15:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Diċembru

L‑attività kummerċjali tibqa' madwar il‑livell medju

L-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju tal-Bank jindika li f'Novembru, ir-rata tat-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqgħet relattivament l-istess fuq ix-xahar ta' qabel u kienet f'livell qrib il-medja storika. L‑Indiċi tal-Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, indikatur li jkejjel l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor informazzjoni minn portals tal‑aħbarijiet Maltin, naqas iżda baqa' f'livell ogħla mill-medja storika.

F'Novembru, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku kif ukoll l-Indikatur tal-Aspettattivi dwar l-Impjiegi ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea naqsu mix-xahar ta' qabel, iżda baqgħu ogħla mill-medja storika.

F'Ottubru, il-produzzjoni industrijali naqset filwaqt li t-tkabbir annwali fil-kummerċ bl-imnut baqa' l-istess. F'Settembru, il-produzzjoni tas-servizzi reġgħet naqset u b'hekk estendiet sensiela ta' tnaqqis osservat minn Frar 2025.

Ir‑rata tal‑qgħad żdiedet marġinalment għal-livell ta' 3.1% meta mqabbla max-xahar ta' qabel, iżda baqgħet baxxa minn perspettiva storika.

Il-permessi għal binjiet residenzjali f'Ottubru żdiedu fuq l-istess xahar sena ilu. F'Novembru, in-numru ta' konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu fuq is-sena ta' qabel.

F'Ottubru, il-bidla fir-rata annwali tad‑depożiti u l‑kreditu tar‑residenti Maltin immoderat meta mqabbla max‑xahar ta' qabel.

F'Novembru, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 2.5%, rata li ma nbidlitx mix-xahar ta' qabel. L‑inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kienet ukoll fil-livell ta' 2.5%. Iż-żewġ rati tal-inflazzjoni qabżu r-rata korrispondenti għaż-żona tal-euro. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l-inflazzjoni kienet fil-livell ta' 2.6% f'Novembru, inqas minn 2.7% f'Ottubru.

F'Ottubru, il-Fond Konsolidat irreġistra żieda fid-defiċit meta mqabbel ma' dak irreġistrat sena qabel, hekk kif żieda qawwija fl-infiq tal-gvern għelbet żieda fid-dħul tal-gvern.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju