News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
05/12/2025 15:00:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jospita t-tielet laqgħa għall-Firmatarji tal-Istatut ta’ Malta dwar id-Diversità u l-Inklużjoni
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta flimkien maċ-Ċittadinanza Korporattiva għall-Intrapriżi Responsabbli (CORE Platform) ospita t‑tielet laqgħa esklussiva għall‑firmatarji tal‑Istatut ta' Malta dwar id‑Diversità u l‑Inklużjoni fil-Bank Ċentrali ta' Malta fl‑4 ta' Diċembru 2025.
Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Edward Scicluna, għamel id-diskors tal‑ftuħ b'ħarsa lejn l‑irwoli u l‑funzjonijiet ewlenin tal‑Bank Ċentrali.

Il‑Gvernatur Scicluna enfasizza r‑responsabbiltajiet ewlenin tal‑Bank bħala membru taż‑żona tal‑euro, inklużi l‑politika monetarja, l‑istabbiltà finanzjarja, il‑pagamenti, u l‑ħruġ tal-karti tal‑flus. Enfasizza wkoll l-impenn qawwi tal-Bank għall-ugwaljanza, id-diversità, u l-inklużjoni.
Innota li fl-2021 l-Bank adotta l-Politika tiegħu dwar l-Ugwaljanza, id-Diversità u l-Inklużjoni, filwaqt li saħħaħ il-qafas tiegħu kontra d-diskriminazzjoni. Dan kien segwit fl-2022 bl-iffirmar tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) dwar l-Ugwaljanza, id-Diversità u l-Inklużjoni. Fl-2023, il-Bank nieda l-Istrateġija tiegħu dwar l-EDI sabiex jippromwovi kultura ta' integrità, rispett u għarfien ta' preġudizzju impliċitu. Riċentement, fl‑2025, il‑Bank iffirma l‑Istatut ta' Malta dwar id‑Diversità u l‑Inklużjoni, u kompla jintegra dawn il‑prinċipji fl‑operat tiegħu.
Dawn il‑passi juru d‑determinazzjoni kontinwa tal‑Bank li jrawwem post tax‑xogħol ta' appoġġ u inklużiv għall‑impjegati kollha.
Id-diskors ewlieni bit-titlu "Supported Employment and Supported Business" sar minn Esmeralda Zarafa u Kirsten Caruana għall-Fondazzjoni Lino Spiteri. Dan kien segwit minn filmat bit-titlu "The Power of Diversity and Inclusion" u mbagħad ingħatat merħba lill-membri l-ġodda tal-Istatut. Intlaqgħu l-firmatarji l-ġodda li ġejjin għall-Istatut dwar id-Diversità u l-Inklużjoni: DHL Malta, Crane Authentication, JobsPlus, Calamatta Cuschieri, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u Phoenix Wise Solutions Limited.
Wara saret żjara fil‑Mużew tal-Flus tal‑Bank Ċentrali mmexxija mis-Sur Kevin Cassar.

Ritratti: Jean Karl Izzo
Lura lejn l-Arkivju