News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

20/11/2025 14:31:00

Id-Deputat Gvernatur jipparteċipa f’Konferenza ta’ Livell Għoli organizzata mill-MFSA

Riċentement, id-Deputat Gvernatur Alexander Demarco ħa sehem f'panel ta' diskussjoni waqt Konferenza ta' Livell Għoli organizzata mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA). Il-Konferenza inkludiet parteċipanti minn istituzzjonijiet finanzjarji globali, organizzazzjonijiet internazzjonali u akkademiċi, u saret qabel il-laqgħat tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) dwar it-Tkabbir u s-Swieq Emerġenti u l-Kumitat Reġjonali Ewropew li qed isiru f'Malta.

Id-Deputat Gvernatur jipparteċipa f’Konferenza ta’ Livell Għoli organizzata mill-MFSA

Is-Sur Demarco pparteċipa f'panel ta' diskussjoni dwar il-pagamenti bejn pajjiż u ieħor u li l-pagamenti bl-imnut isiru aktar malajr u b'mod aktar sikur. Fl‑intervent tiegħu, id‑Deputat Gvernatur enfasizza r‑raġunijiet għaliex sistemi ta' pagamenti effiċjenti, bi spejjeż orħos u effettivi u sikuri huma tant essenzjali sabiex ekonomija tiffunzjona tajjeb. Irrefera għad-diversi inizjattivi li l-Eurosistema ħadet f'sistemi ta' pagamenti, bħas-servizzi tat-TARGET, li jinkludu t-T2 għal pagamenti bl-ingrossa, it-T2S għas-saldu ta' titoli, u t-TIPS għal pagamenti istantanji bl-imnut, fejn dan tal-aħħar espanda biex joffri servizzi f'diversi muniti, bl-Iżvezja u d-Danimarka jibdew jipparteċipaw aktar kmieni din is-sena u pajjiżi oħra juru interess li jissieħbu. Irrefera għall-pjanijiet tal-Eurosistema li tgħaqqad it-TIPS ma' sistemi oħra ta' pagamenti rapidi globalment.

Fir-rigward tal-passi li jmiss dwar pagamenti għall-Eurosistema, id-Deputat Gvernatur ta ħarsa ġenerali lejn il-ħidma li l-Eurosistema ilha twettaq mill-2021 fuq euro diġitali bl-imnut, kif ukoll ħidma esploratorja parallela fuq teknoloġiji ġodda għal euro diġitali bl-ingrossa, bl-għan li tiġi żviluppata infrastruttura Ewropea li tippermetti li l-pagamenti globali jkunu aktar sikuri, aktar veloċi, orħos u aktar trasparenti, mingħajr kompromessi fl-integrità, l-istabbiltà u s-sovranità.

Lura lejn l-Arkivju