News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
20/11/2025 10:53:00
Il-Gvernatur jipparteċipa f’Konferenza ta’ Livell Għoli li tfakkar il-100 Anniversarju tal-Bank tal-Albanija
Riċentement il-Gvernatur Edward Scicluna indirizza Konferenza ta' Livell Għoli li saret biex tfakkar il-100 Anniversarju tal-Bank tal-Albanija. Il-Gvernatur Scicluna ngħaqad ma' għadd ta' bankiera ċentrali, uffiċjali għolja li jfasslu l-politika ekonomika u akkademiċi distinti minn madwar l-Ewropa u lil hinn minnha biex jiddiskutu d-diversi sfidi li l-ekonomija globali qed tiffaċċja llum.

It-tema tal-konferenza kienet "A century of central banking: From institutional foundation to regional anchor". Iddiskutiet il-frammentazzjoni ġeoekonomika u r-rikonfigurazzjoni tal-kummerċ fir-rigward tal-isfidi li l-ekonomija globali qed tiffaċċja llum. Temi importanti oħra jinkludu l-ambjent kumpless li l-Ewropa trid timmanuvra fih filwaqt li tibqa' l-pedament tal-konverġenza politika, soċjali u ekonomika. Barra minn hekk, il-parteċipanti kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-implikazzjonijiet tal-muniti diġitali tal-banek ċentrali, stablecoins u infrastrutturi ġodda ta' pagament għas-sovranità monetarja, l-istabbiltà finanzjarja u l-inklużjoni. Il-parteċipanti rriflettew ukoll fuq l-isfidi tal-politika monetarja bħalma huma s-sostenn tal-kredibbiltà, l-ankrar tal-aspettattivi u fl-aħħar mill-aħħar, il-kisba tal-istabbiltà tal-prezzijiet f'dinja volatili.
Il-Professur Edward Scicluna ngħaqad ma' diskussjoni f'panel bit-titlu, "The Evolving Challenges of Monetary Policy." Is-sessjoni esplorat ix-xenarju li qed jinbidel tal-politika monetarja globali, inklużi l-implikazzjonijiet ta' pressjonijiet inflazzjonarji persistenti, tensjonijiet ġeopolitiċi, bidla teknoloġika fis-servizzi finanzjarji, u l-importanza dejjem tikber tal-komunikazzjoni u t-trasparenza fl-operazzjonijiet tal-banek ċentrali.

Saru diskorsi tal-ftuħ mill-Eċċellenza tiegħu Edi Rama, Prim Ministru tar-Repubblika tal-Albanija, Kristalina Georgieva, Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali, Christine Lagarde, President tal-Bank Ċentrali Ewropew u Gent Sejko, Gvernatur tal-Bank tal-Albanija.
Lura lejn l-Arkivju