News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

03/10/2025

Il-Gvernatur Scicluna jindirizza l-Konferenza tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali Mediterranji fil-Kajr

Nhar l‑Erbgħa, l‑1 ta' Ottubru, il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Edward Scicluna, ipparteċipa f'konferenza ta' livell għoli tal-Banek Ċentrali Mediterranji li saret fil‑Kajr, l‑Eġittu.

L-avveniment ġie organizzat b'mod konġunt mill-Bank Ċentrali tal-Eġittu, il-Banco de España, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), l-Istitut Ewropew tal-Mediterran (IEMed), u l-Unjoni għall-Mediterran (UgħM).

Din il-konferenza hija parti minn inizjattiva konġunta mmirata biex trawwem djalogu komprensiv dwar il-prospettiva ekonomika u finanzjarja tar-reġjun tal-Mediterran, speċifikament mill-perspettiva tal-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali.

Fid-diskors tiegħu fl-ewwel panel ta' diskussjoni fost il-gvernaturi tal-banek ċentrali dwar l-impatt tal-intelliġenza artifiċjali (IA) fuq il-banek ċentrali, il-Professur Scicluna qal li bla dubju l-IA tista' ttejjeb b'mod sinifikanti t-tbassir ekonomiku u l-analiżi tal-politika ta' bank ċentrali. B'mod partikolari jistgħu jgħinu fl-immappjar tar-riskju sistemiku, jipprovdu sistemi ta' twissija bikrija, u jisiltu għarfien mill-media soċjali u mir-rapporti korporattivi għall-analiżi tas-sentiment tal-banek ċentrali. 

Ritratt tal-grupp

Il-Gvernatur enfasizza li banek iżgħar m'għandhomx għalfejn jinkwitaw iżda jridu jistabbilixxu mill-aktar fis unità ċentrali ffukata fuq l-IA u analiżi avvanzata, b'mandat ċar u tmexxija viżibbli għal koordinazzjoni aktar faċli ma' sħab esterni. L-unità ser ikollha bżonn tikkoordina bejn il-ħtiġijiet tal-politika monetarja, l-istabbiltà finanzjarja, l-istatistika u s-superviżjoni.

Il-Gvernatur kompla jgħid li kull bank ċentrali jrid jindirizza l-kapaċitajiet ewlenin tal-IA meħtieġa. Dawn jinkludu qafas għall-infrastruttura tad-data, speċjalment ta' data ta' frekwenza għolja, għarfien espert tekniku speċjalment xjenzat tad-data, u inġiniera tat-tagħlim awtomatiku, appoġġati minn qafas ta' politika u governanza b'saħħtu. Sħubijiet mal-universitajiet, u networks reġjonali tal-IA flimkien ma' involviment mal-fintechs u mal-fornituri privati tad-data.

Il-Gvernatur Scicluna mbagħad kompla jelabora fuq ir-riskji u l-iżvantaġġi li wieħed għandu joqgħod attent għalihom f'din it-teknoloġija ġdida u mill-isbaħ. Dawn jinkludu l-uniformità tal-mudell, id-dipendenza żejda u l-fiduċja eċċessiva fil-pariri li jirriżultaw mill-IA, l-istatus legali mhux ivverifikat, il-preġudizzji mhux iddikjarati u l-hekk imsejħa alluċinazzjonijiet tal-IA.

Fl-aħħar nett, il-Gvernatur Scicluna stieden lill-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-Mediterran biex jibbenefikaw mill-ħolqien ta' ċentru tal-IA fil-Mediterran jew "komunità ta' prattika" fejn ikunu jistgħu jikkondividu t-tekniki, id-data u t-tagħlimiet meħuda. 

Lura lejn l-Arkivju